Bizzilla ta’ Malta
Carmel Cacopardo
carmelcacopardo.
Il-ftehim konkluż dwar l-isptar St Philip bil-fors ikun soġġett
għal-lenti politika. Dan għal diversi raġunijiet.
Il-ftehim qed isir lejliet l-elezzjoni ġenerali ftit snin wara li
fetaħ l-isptar Mater Dei li fih intefqu flejjes kbar: il-miljuni. Qed
isir ma persuna politika (it-Tabib Frank Portelli) li hu kritiku ħafna
tal-politika tas-saħħa tal-Gvern. Dan waħdu jqajjem il-mistoqsija jekk
il-kritika tat-Tabib Frank Portelli kienitx motivata biss
min-nuqqasijiet fis-sistema tas-saħħa jew inkella jekk il-ħtieġa li
jinħoloq suq għall-isptar tiegħu kienx motiv addizzjonali importanti!
Irridu naraw jekk il-kritika li kienet għaddejja mit-Tabib Frank
Portelli fuq diversi stazzjonijiet tal-televiżjoni issa hux ser
tkompli, inkella hux ser ikollna pawsa twila.
It-tieni osservazzjoni hi dwar il-fatt li ma ħarġitx sejħa
għall-offerti. Intqal li ir-regolamenti finanzjarji jeżentaw
lill-Gvern minn obbligu bħal dan f’każ ta’ kiri jew xiri ta’
propjeta’. Jekk dan hux minnu ma nafx.
Fl-opinjoni tiegħi ma jagħmilx sens li għal xiri ta’ oġġetti jew
servizzi mill-Gvern għall-valur ta’ madwar €5,000 trid tinħareġ sejħa
għall-offerti (tender) dwarhom imma l-infieq ta’ miljuni fil-kiri/xiri
ta’ sptar m’hemmx dwaru l-istess ħtieġa!
Dan il-ftehim għall-kiri/xiri tal-isptar St Philip jidher li inħadem
bizzilla għal ċirklustanzi partikolari.
Jipprova jsolvi l-problema tan-nuqqas ta’ sodod fl-isptar Mater Dei.
Imma jidher li ser jirriżolvi ukoll il-problemi finanzjarji konnessi
mal-isptar. Sptar li ilu magħluq ftit.
Intqal fil-gazzetti ta’ dawn l-aħħar ġimgħat li hemm diversi kredituri
li qed jiġru wara flushom, biex jitħallsu tas-servizzi/materjal u
oġġetti ta’ natura medika li biegħu lill-Isptar. Il-ftehim jidher li
ser jagħmilha possibli li jitħallsu l-kontijiet u jnaqqas l-uġiegħ ta’
ras ta’ sid l-isptar. Forsi jkun jista’ jevita ukoll xi talba
għall-bejgħ bis-subbasta!
X’kontijiet hemm pendenti m’huwiex magħruf għax l-audited accounts
tal-kumpaniji assoċjati mal-isptar St Philip għal dawn l-aħħar snin
jidher li ma ġewx ippreżentati lir-reġistratur tal-kumpaniji.
Biex inkun ċar m’hux qed nitkellem dwar korruzzjoni. Qed nitkellem
iżda dwar tmexxija ħażina (bad governance).
Sadanittant nistenna lill-ġurnalisti investigattivi li jitfgħu izjed
dawl fuq il-kaz.
Probabilment li ser nibqa’ nistenna!






