BORD TAD-DIRETTURI ĠDID GĦALL-KUNSILL MALTI GĦALL-ISPORT
Posted by: kaizenlog in Malta, tags: BORD TAD-DIRETTURI ĠDID GĦALL-KUNSILL MALTI GĦALL-ISNru. 0849
BORD TAD-DIRETTURI ĠDID GĦALL-KUNSILL MALTI GĦALL-ISPORT
Tħabbar il-Bord il-ġdid tal-Kunsill Malti għall-Isport li se jkollu bħala Chairman lis-Sur Bernard Vassallo.
Il-Bord inħatar għal perjodu ta’ sena u l-membri l-oħra huma - is-Sur Bertie Muscat bħala Deputat Chairman, is-Sinjura Vanessa Aquilina, is-Sur Louis Borg, is-Sinjorina Margaret Mercieca, is-Sinjorina Maria Mifsud Bonnici u s-Sur Kenneth Vella.
Bernard Vassallo għandu Bachelor of Honours fil-Business Management u l-Economics, Post Graduate Certificate in Education u Diploma fl-Istudji tal-Kompjuter. Huwa jaħdem bħala għalliem fl-Iskola Ogħla Giovanni Curmi u fl-ambitu sportiv huwa referee ta’ livell internazzjonali tal-Basketball liċenzjat mill-Federazzjoni Internazzjonali FIBA. Hu kkontrolla fost l-oħrajn partiti mill-Commonwealth Games fl-Awstralja, oħrajn tal-Istati ż-Żgħar tal-Ewropa u tal-Promotion Cup. Is-Sur Vassallo jagħti wkoll lectures fir-refereeing. Barra dan hu kien attiv f’bosta dixxiplini sportivi bħal waterpolo, għawm, handball, atletika u football u kien anki rebaħ it-titlu ta’ uffiċjal sportiv tas-sena fl-2006.
Bertie Muscat hu d-Deputat Chairman tal-Kunsill Malti għall-Isport. Huwa kien uffiċjal tal-Kumitat Olimpiku Malti għal 40 sena u hu membru tal-Ordni tal-Mertu ta’ Malta grazzi għall-ħidma u l-inizjattivi tiegħu fil-qasam tal-isport. Għal 10 snin kien segretarju tal-Bord Eżekuttiv tal-kumitat li jorganizza l-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar u huwa wieħed mill-fundaturi ta’ dan il-logħob. Huwa kien membru tal-European Waterpolo Committee u President tal-Aquatic Sport Association għal 19-il sena. Muscat huwa wkoll membru onorarju tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali ta’ l-Għawm (LEN).
Vanessa Aquilina għandha Baċellerat fl-Accountancy u l-Management u Baċellerat bl-unuri fl-Accountancy. Hija Prinċipal ta’ Skola Privata u ħadmet ukoll ta’ Awditur ma’ kumpanija privata.
Louis Borg hu lecturer ta’ l-isport fi ħdan l-Università ta’ Malta u hu l-fundatur tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Basketball u tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Handball. Borg kien ukoll għal ħafna snin uffiċjal tal-Kumitat Olimpiku Malti. Attwalment Borg huwa wkoll il-Viċi President tal-Kumitat Internazzjonali tal-FISEC u Viċi President tal-Kunsill Malti tal-FISEC.
Margaret Mercieca għandha Diploma fl-Istudji Soċjali u taħdem bħala Manager. Hija ukoll uffiċjal ta’ club lokali femminili tal-handball u ukoll it-Team Manager tat-team nazzjonali tan-nisa tal-handball.
Maria Mifsud Bonnici għandha Masters of Science fix-Xjenza Sportiva u taħdem bħala Senior Scientific Officer fid-Dipartiment tas-Saħħa Ambjentali. Hija ex-champion nazzjonali tat-triathlon u rebħet it-titlu ta’ sportiva tas-sena waqt il-konkors sportivi nazzjonali organizzat mill-Għaqda Kittieba Sport fl-2002. Hi rrapreżentat lil Malta f’kompetizzjonijiet internazzjonali tat-Triathlon.
Kenneth Vella hu Assistent Kap fl-iskola sekondarja fil-Kulleġġ De La Salle. Huwa għandu Baċellerat tal-Edukazzjoni (Honours), Post Graduate Diploma fl-Amministrazzjoni u l-Management fl-Edukazzjoni u qiegħed itemm l-istudji tiegħu f’livell ta’ Masters fil-Leadership fl-Edukazzjoni. Vella huwa wkoll ġurnalist sportiv u rebaħ l-aħħar żewġ edizzjonijiet tal-Awards għall-aħjar programm sportiv tas-sena organizzat mill-Awtorità tax-Xandir. Fl-amministrazzjoni sportiva, Vella kien Segretarju Ġenerali u membru fi ħdan il-Kunsill tal-Malta Racing Club, delegat Malti fi ħdan l-Unjoni Ewropea tat-Trott, PRO tal-Kummissjoni Regatta, Segretarju Ġenerali ta’ Special Olympics Malta u huwa l-Media Officer tal-Kunsill Malti tal-FISEC.
Dawn id-diretturi tal-bord jingħaqdu wkoll ma’ żewġ membri oħra fi ħdan l-istess bord li huma s-Sur Joe Cassar, li hu nominat mill-Kumitat Olimpiku Malti u s-Sur Andrew Decelis, li hu nominat mill-Assoċjazzjonijiet Sportivi mhux Olimpiċi.
DOI - 13.06.2008
Popularity: 1% [?]
Welcome to Kaizenlog.com If you're new here, you may want to subscribe to my RSS feed , Twitter You can contact us by using the contact form or submitting a comment. You can also share this post with your friends by clicking on the 'ShareThis' button above. Thanks for visiting!
Print This Post









Entries (RSS)