Welcome to Kaizenlog.com If you're new here, you may want to subscribe to my RSS feed , Twitter You can contact us by using the contact form or submitting a comment. Thanks for visiting!

NO. 0743A

DISKORS MILL-ONOR. CHRIS SAID, SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦAD-DJALOGU PUBBLIKU U L-INFORMAZZJONI, WAQT IL-KONFERENZA DWAR IT-TNEDIJA TA’ PROĊESS TA’ KONSULTAZZJONI GĦAR-RIFORMA TAL-KUNSILLI LOKALI BIT-TEMA “KUNSILLI LOKALI 2015″ - BERĠA TA’ KASTILJA, VALLETTA - IL-ĠIMGĦA, 23 TA’ MEJJU 2008

Propju bħal daż-żmien ħmistax -il sena ilu, l-Parlament tagħna kien qed jiddibatti l-liġi li waqqfet il-Kunsilli Lokali. M’hemmx dubju li dak li ħmistax-il sena ilu beda bħala esperiment, illum issarraf f’esperjenza pożittiva li għamlet differenza sostanzjali f’kull lokalita’ f’Malta u Għawdex.

Anke dawk li kienu xi ftit xettiċi dwar l-introduzzjoni ta’ Gvern Lokali f’pajjiżna illum jaqblu illi dak li kien esperiment issa qiegħed hemm biex jibqa’ għall-ġid tar-residenti ta’ kull lokalita’. Biżżejjed nagħtu ħarsa lura lejn dawn l-aħħar snin biex naraw kif il-maġġoranza assoluta tal-Kunsilli Lokali ħadmu, anzi ħadmu tajjeb, u ħallew impatt mill-aktar pożittiv f’kull qasam li jmiss mal-lokalita’ tagħhom.

B’dawra żgħira f’kull lokalita’ wieħed mill-ewwel jista’ jara numru ta’ proġetti li saru mill-Kunsilli Lokali.  Bl-introduzzjoni tal-Kunsilli Lokali rajna żieda qawwija ta’ ġonna, playing fields u żoni ta’ rikreazzjoni ġodda filwaqt li dawk li kienu jeżistu ġew modernizzati f’ħafna każi b’tgħamir li jissodisfa l-kriterji ta’ sigurta’ għas-saħħa ta’ dawk li jutillizaw dawn il-postijiet.

Fl-aħħar snin qed naraw ukoll diversi Kunsilli Lokali li qed jinvestu f’faċilitajiet sportivi ġodda jew itejbu b’mod qawwi dawk ġia’ eżistenti.  Qed naraw Kunsilli Lokali oħra li qed joħolqu ċentri ċiviċi moderni u aċċessibli biex joffru l-aħjar servizzi possibli lir-residenti kollha bla ebda esklużjoni.

M’hemm l-ebda dubju li l-Kunsilli Lokali kienu wkoll strumentali biex mijiet ta’ toroq residenzjali mifruxa ma’ Malta u Għawdex kollha ġew re-surfaced.  Bħal ma kienu wkoll strumentali għal sistemi ġodda ta’ l-immaniġjar tat-traffiku fil-lokalitajiet.

Fil qasam ta’ l-Edukazzjoni nistgħu nħarsu wkoll lejn diversi eżempji ta’ iniżjattivi li ttieħdu mill-Kunsilli Lokali.  Biżejjed insemmu l-ħolqien ta’ libreriji pubbliċi ġodda u t-titjib ta’ dawk eżistenti, l-ammont kbir ta’ korsijiet offruti mill-Kunsilli Lokali f’kull lokalita’ u l-ħidma ko-ordinata bejn il-Kunsilli Lokali u l-iskejjel primarji.

Nistgħu nħarsu wkoll lejn il-qasam Kulturali u Soċjali.  Anke hawn naraw il-ħidma sfieqa li saret minn diversi Kunsilli Lokali.  Fil-qasam soċjali l-akbar u l-aħjar eżempju huwa l-ħolqien ta’ numru ta’ Day Centres għall-Anzjani mifruxa f’diversi lokalitajiet kif ukoll l-ħolqien ta’ servizzi u attivitajiet għall-istess anzjani, persuni bi bżonnijiet speċjali, tfal, żgħażagħ u l-familji.

Anke fil-qasam Kulturali, għandna mijiet ta’ eżempji li tajtu intom permezz tal-Kunsilli Lokali.  Inħolqu attivitajiet ġodda, ġew imsaħħa oħrajn tradizzjonali u f’ċerti każijiet ittellgħu wkoll attivitajiet nazzjonali fil-lokalitajiet tagħna.  Il-Kunsilli Lokali raw ukoll li jħarsu l-wirt storiku tal-belt jew raħal tagħhom u għalhekk nistgħu nsibu ukoll eżempji tajba ta’ restawr ta’ dan il-wirt storiku u l-użu ta’ l-istess.

Irrid ukoll insemmi l-opportunitajiet li ħadu numru ta’ Kunsilli Lokali permezz ta’ fondi ta’ l-Unjoni Ewropeja.  Irridu naraw kif nistgħu  nkabbru l-użu ta’ dawn il-fondi.

Nista’ nagħti ħafna aktar eżempji ta’ prattiċi tajba mill-Kunsilli Lokali pero’ l-ħin ma jippermettix. l-iskop tal-proċess li qed jitnieda llum huwa li nesploraw x’inhuma l-passi li jmiss jittieħdu biex nibnu fuq dawn l-esperjenzi pożittivi u nsaħħu l-operat tal-Kunsilli Lokali.

Il-Gvern jemmen li wasal iż-żmien li flimkien naraw kif nistgħu ntejbu s-sistema tal-Gvern Lokali biex din tkun tirrispondi aħjar għall-aspirazzjonijiet tar-residenti f’kull waħda mit-tmienja u sittin lokalita’ mifruxa madwar il-gżejjer Maltin. Dan nistgħu nagħmluh billi l-ewwelnett nagħtu ħarsa lura u nevalwaw l-esperjenzi kollha pożittivi u nsibu mod kif inkomplu nibnu fuqhom, insaħħuhom u ninkorraġġuhom.

Fl-istess ħin irridu naraw fejn stajna morna aħjar.  Irridu naraw għaliex inħolqu ċertu problemi kif ukoll għaliex f’xi każijiet il-Kunsilli Lokali ma laħqux l-aspettattiva tar-residenti. Għalhekk f’dan il-proċess ta’ konsultazzjoni għandna nesploraw kull tibdil fil-liġi u regolamenti li jista’ jsir biex niżguraw Gvernijiet Lokali aktar effettivi, trasparenti, kontabbli u dixxiplinati filwaqt li joffru l-aqwa servizz possibli.

Flimkien irridu naraw kif il-Kunsilli Lokali jkunu l-focal point ta’ kull belt u raħal f’Malta u Għawdex biex joffru l-aħjar u l-aqwa servizz lit-tfal, żagħżagħ, familji u anzjani ta’ kull lokalita’. Biex nilħqu dawn il-miri rridu nevalwaw l-aspetti kollha ta’ l-operat tal-Kunsilli Lokali.

L-ewwelnett nevalwaw ir-responsabilitajiet diretti li l-liġi tpoġġi fuq il-Kunsilli Lokali. Noħorgu b’idejat kif dawn jistgħu jiġu moqdija aħjar u x’responsabiltajiet ġodda jistgħu jiġu fdati lill-Kunsilli Lokali sas-sena 2015.  Dan b’mod partikolari fl-oqsma ta’ l-ambjent, dak soċjali u edukattiv.

Irid isir studju dwar il-formola eżistenti tal-finanżjament tal-Kunsilli.  Naraw jekk din hix l-aħjar possibli.  Fl-istess ħin irridu nisimgħu dwar modi oħra ta’ finanzjament tal-ħidma tal-Kunsilli Lokali.  Ta’ min jistaqsi jekk għandux ikun hemm fondi speċjali għal proġetti speċjali fil-lokalitajiet.  Nidħlu fil-problemi li jiffaċċjaw ċertu lokalitajiet li ta’ kuljum jilqgħu fihom eluf ta’ nies oħra, lokali jew turisti u kif dawn jistgħu jiġu mgħejjuna.

Marbuta mal-finanzjament hemm ukoll il-fondi li jistgħu jinkisbu minn diversi programmi ta’ l-Unjoni Ewropeja.  Hawn irridu nsibu l-aħjar formola biex il-Kunsilli Lokali jieħdu vantaġġ mill-akbar ammont possibli ta’ opportunitajiet.  Dwar dan trid tkompli l-ħidma biex nipprovdu l-informazzjoni dwar l-opportunitajiet u jekk hemm bżonn anke l-għajnuna biex isiru l-applikazzjonijiet.

Kunċett ieħor li nistennew li jkollna konsultazzjoni wiesa’ dwaru huwa dak tar-reġjonalita’ - kif Kunsilli Lokali li jikkonfinaw flimkien jistgħu jibbenefikaw billi joffru ċerta servizzi flimkien u b’hekk ikunu aktar effiċċjenti b’anqas spejjes. M’hemmx dubju li trid issir konsultazzjoni dwar it-terminu tal-Kunsilli u jekk dan għandux jibqa’ ta’ tliett snin; dwar ir-rwol tas-Sindku fil-lokalitajiet il-kbar; ir-rwol tas-Segretarju Eżekuttiv u kif dan verament ikun il-persuna li l-ħin kollu jara li l-Kunsill ikun qed jimxi mal-liġi u r-regolamenti li jkunu ‘in vigore’.

Irridu naraw jekk is-sistema ta’ l-infurzar lokali hix qed tagħti r-riżultati mixtieqa.  F’dan il-qasam ukoll trid issir konsultazzjoni ma’ dawk kollha involuti fl-operat tagħha. Il-Gvern jemmen li kull lokalita’ hija attrazzjoni turistika - kull belt jew raħal f’Malta u Għawdex għandu x’joffri.  Għalhekk irridu wkoll nesploraw metodu kif permezz tal-Kunsilli Lokali ntejbu l-prodott turistiku fil-lokalitajiet tagħna.

Irridu naraw kif ser naħdmu u x’għodda għandna bżonn biex intejbu l-ambjent tal-lokalitajiet tagħna.  Kif ser niżguraw li fil-lokalitajiet tagħna jkollna żvilupp sostenibbli.  Hawn irridu nesploraw diversi metodi. Din l-isfida hija sinifikanti meta tikkunsidra ċ-ċokon tal-gżejjer tagħna meta mqabbla mad-densita’ għolja tal-popolazzjoni u l-isfidi ambjentali li din iġġib magħha. Min naħa l-oħra nemmnu li l-istess ċokon ta’ pajjiżna joffri opportunitajiet uniċi biex din l-isfida tintlaħaq.

B’aktar parteċipazzjoni fid-deċizjonijiet nemmnu li nistgħu naffaċċjaw il-problemi ekonomiċi, soċjali u ambjentali.  Dan għandu jinkludi parteċipazzjoni f’oqsma bħall-enerġija, ambjent, trasport, kultura, żvilupp ekonomiku, inklużjoni soċjali, konservazzjoni u ri-ġenerazzjoni urbana, kif ukoll l-immaniġjar ta’ l-iskart. Il-Kunsilli Lokali huma l-aktar qrib tal-bżonnijiet tal-lokalitajiet rispettivi tagħhom u l-aspirazzjonijiet tal-komunitajiet li jirrapreżentaw, għalhekk huma f’qagħda idejali biex huma stess jifformolaw strateġija biex nassiguraw żvilupp sostenibbli tal-lokalitajiet tagħhom.

Huwa biex nilħqu dan kollu li llum qed inniedu dan il-proċess ta’ konsultazzjoni magħkom, mal-Kunsilliera u ma dawk kollha li b’xi mod jew ieħor imissu mal-Gvern Lokali. Qed nistiednu lilkom biex tressqu s-suġġerimenti tagħkom fuq dak li elenkajt kif ukoll fuq kull ħaġa li għandha x’taqsam mal-Kunsilli Lokali.

Dan il-proċess ta’ Konsultazzjoni ser ikun mifrux fuq medda ta’ sitt xhur - sa Novembru li ġej. Wara l-Gvern ikun f’pożizzjoni li jressaq l-emendi li hemm bżonn fil-liġi u regolamenti li jirregolaw il-Kunsilli Lokali, kif ukoll li jniedhi skemi in linea ta’ dak li jkun ħareg waqt dan il-proċess. Huwa l-ħsieb tagħna li matul dan il-perjodu jkollna konstultazzjoni wiesa’ u fuq diversi livelli. L-ewwel u qabel kollox b’laqgħat regolari ma’ l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali li tirrapreżenta lill-Kunsilli kollha.

Ser inżommu wkoll laqgħat regolari ma’ l-Assoċjazzjoni tas-Segretarji Kunsilli Lokali Maltin. F’dan il-perjodu hu ppjanat li jsiru ta’ l-anqas laqgħa ma’ kull Kunsill Lokali fl-uffiċċju tagħhom stess. Fl-istess proċess ser ikollna laqgħat separati mas-Sindki, mal-Viċi Sindki, l-Kunsilliera u l-impjegati tal-Kunsilli fuq bażi reġjonali. Bla dubju ser isiru wkoll kuntatti ma’ dawk kollha nvoluti fis-sistema ta’ l-infurzar lokali.

L-akbar konstultazzjoni trid issir mal-pubbliku li fl-aħħar mill-aħħar qed jistenna Kunsilli Lokali aktar b’saħħithom u li jirrispondu aħjar għall-ħtiġijiet tiegħu. Barra laqgħat pubbliċi ta’ konstulazzjoni ser nipprovdu diversi mezzi kif il-pubbliku in ġenerali jista’ jagħti l-idejat tiegħu għal dan it-tisħiħ. Dan ser isir billi ser tinħoloq webpage fejn wieħed jista’ jagħti s-suġġerimenti tiegħu kif ukoll billi tintbgħat informazzjoni dwar dan il-proċess f’kull dar.  Kulħadd ser jiġi mistieden jibgħat il-proposti tiegħu bil-miktub.  B’hekk niżguraw proċess ta’ konsultazzjoni mill-aktar wiesa’.

Nħeġġeġ lilkom hawn preżenti, lill-Kunsilliera, dawk kollha involuti fl-operat tal-Kunsilli Lokali u lill-pubbliku biex tagħtu sehem tagħkom f’dan l-eserċizzju importanti. Persważ li bis-sehem tagħkom ilkoll ser nassiguraw it-tisħiħ tal-Kunsilli Lokali biex ikunu verament għall altezza ta’ l-aspirazzjonijiet tal-Maltin u l-Għawdxin.

DOI - 23.05.2008

Popularity: 20% [?]

Listen to this podcast Listen to this podcast

Print This Post Print This Post





  • Related Posts



  • Leave a Reply

    Comment moderation is enabled. Your comment may take some time to appear.