Nru.  0743

DISKORS MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT IL-KONFERENZA DWAR IT-TNEDIJA TA’ PROĊESS TA’ KONSULTAZZJONI GĦAR-RIFORMA TAL-KUNSILLI LOKALI BIT-TEMA “KUNSILLI LOKALI 2015″ - BERĠA TA’ KASTILJA, VALLETTA - IL-ĠIMGĦA, 23 TA’ MEJJU 2008

Il-Gvern jemmen u jrid li d-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet tiegħu jridu jkunu frott ta’ proċess konsultattiv mill-aktar wiesa’.  Dan jawgura tajjeb mhux biss biex iwessa’ l-bażi ta’ l-ideat iżda jgħin ukoll fil-proċess ta’ implimentazzjoni.  Il-Gvern jagħraf l-importanza li kulħadd iħossu parti mid-deċiżjonijiet li jkunu qed jittieħdu u jiġu implimentati.

Il-kunċett ta’ Gvern Lokali ġie introdott ħmistax-il sena ilu bħala esperiment.  Illum dan issarraf f’ esperjenza ta’ progress kontinwu fuq livell lokali.  Dan serva mhux biss għat-tisħiħ tad-demokrazija fuq livell lokali iżda wkoll it-tħaddim fil-prattika tal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

M’hemmx dubju li minn din l-esperjenza tgħallimna ħafna u importanti li issa nħarsu ᾿l quddiem u naraw kif nistgħu nsaħħu u nibnu fuq dak li rnexxa u nikkoreġu dak li ma rnexxiex u li bi ftit attenzjoni seta’ mar aħjar.  Irridu naġġornaw il-kuncett ta’ Gvern Lokali f’ pajjiżna sabiex jirrifletti ż-żminijiet tal-lum u tas-snin li ġejjin.

Tmienja u sittin Kunsill Lokali li għamlu differenza fil-lokalitajiet tagħhom.  Żgur li ħafna xogħlijiet u inizjattivi kulturali, soċjali u edukattivi kien ikun ferm diffiċli għal Gvern Ċentrali li jimplimentahom f’ kull lokalità f’ Malta u Għawdex.

Issa rridu li jkun hemm ħidma aktar ko-ordinata bejn il-Gvern Ċentrali u dak Lokali, liema ħidma għandha twassal għal titjib sostanzjali fil-kwalità tal-ħajja tar-residenti billi jkollna komunitajiet fejn l-iżvilupp li jsir fihom ikun żvilupp sostenibbli.

L-attenzjoni tal-Gvern għal żvilupp sostenibbli mhix limitata għall-Gvern Ċentrali biss iżda hija direzzjoni li trid tiġi segwita bl-istess importanza fuq livell lokali.  Żvilupp sostenibbli jfisser li kull attività li ssir fil-lokalitajiet tagħna kemm ekonomika kif ukoll soċjali jrid ikollha d-dimensjoni ambjentali u r-rispett u r-rikonoxximent sħiħ għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Il-Kunsilli Lokali jridu jkunu għodda mill-aktar importanti biex jgħinu lill-Gvern Ċentrali jasal għall-mira ewlenija tiegħu li f’ pajjiżna jkollna żvilupp sostenibbli f’ kull qasam.

L-iskop primarju tal-Kunsilli Lokali kien li tinħoloq struttura ta’ tmexxija lokali li tifhem aħjar il-bżonnijiet tar-residenti.

It-trasparenza u l-kontabbiltà huma indispensabbli fl-operat tal-Kunsilli Lokali biex niżguraw gvernar tajjeb anke f’ dan il-livell.  It-trasparenza tgħin biex ikun hemm aktar kollaborazzjoni mir-residenti fil-pjanijiet u ħidma tal-Kunsill u sservi ta’ bażi biex ikun hemm aktar kontabbiltà f’ dak kollu li jsir mill-amministrazzjoni u kunsilliera fil-ħidma tagħhom.

Irridu naraw waqt dan il-proċess ta’ konsultazzjoni kif ser ikollna Kunsilli Lokali aktar effiċjenti.  B’ hekk naslu f’ punt fejn il-Kunsilli Lokali jkunu qed jaqdu l-funzjonijiet tagħhom b’ mod mill-aktar effiċjenti u għas-sodisfazzjon tar-residenti tagħhom.

Barra dan nisħqu wkoll li kull Kunsill jiżgura li fl-operat tiegħu jagħti l-massimu bil-flus li jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu.

Il-Kunsill Lokali qed jiġu afdati sena wara l-oħra biex jamministraw ammont sostanzjali ta’ fondi pubbliċi li jiġu mit-taxxi mħallsa mill-poplu Malti u Għawdxi.  Irridu nassiguraw li l-prattiċi li qed jintużaw qed jagħtu l-aħjar riżultati.

F’ dan il-proċess ta’ konsultazzjoni rridu nesploraw kull possibbiltà sabiex naraw kif intejbu l-ambjent ta’ kull lokalità - kemm dak urban, il-periferiji u ż-żoni rurali, kif ukoll il-prodott turistiku ta’ kull rokna ta’ Malta u Għawdex.

Ma kienx b’ kumbinazzjoni li l-Ambjent, it-Turiżmu u l-Kunsilli Lokali huma kollha taħt ir-responsabbiltà ta’ l-Uffiċċju tiegħi.  Il-Kunsilli Lokali għandhom kontribut indispensabbli x’ jagħtu biex intejbu l-ambjent u l-prodott turistiku ta’ pajjiżna.

Huma l-ibliet u l-irħula tagħna li jiffurmaw l-ambjent u l-prodott turistiku ta’ pajjiżna.  Għalhekk huwa importanti li lkoll niġbdu ħabel wieħed sabiex ikollna lokalitajiet aktar nodfa u organizzati.

Lokalitajiet nodfa jfissru pajjiż nadif.  Irridu niżguraw l-indafa u l-ordni u d-dixxiplina f’ kull lokalità.  B’ hekk ikollna pajjiż nadif, ordnat u dixxiplinat.

Għalhekk irridu naraw kif ir-responsabbiltà tal-Kunsilli Lokali li jżommu l-indafa, mhux biss fiż-żoni urbani iżda wkoll f’ dawk mhux urbani u fil-bajjiet tagħna, tkun imsaħħa.  Dan il-proċess irid iwassal ukoll għall-ħidma aktar ko-ordinata biex niżguraw id-dixxiplina, mhux biss fit-traffiku, iżda f’ kull qasam fil-lokalitajiet tagħna.

Huma s-serjetà u d-dixxiplina fuq livell lokali li jistgħu tabilħaqq jassiguraw li d-dehra ta’ pajjiżna tkompli tisbieħ b’ mod sħiħ u mifrux.

Il-Gvern irid jassigura li l-Kunsilliera, speċjalment dawk ġodda jingħataw t-taħriġ neċessarju sabiex jifhmu tajjeb l-inkarigu li jkunu daħlu għalih u jingranaw tajjeb u malajr kemm jista’ jkun.  Irridu nifhmu li l-Kunsilliera għandhom obbligi u dmirijiet kemm lokali kif ukoll nazzjonali li huma regolati b’ leġislazzjoni u regolamenti.

Hemm bżonn ukoll taħriġ kontinwu lis-Segretarji Eżekuttivi u l-impjegati l-oħra kollha tal-Kunsilli Lokali.

L-Unjoni Ewropea li issa ilna membri tagħha għal dawn l-aħħar erba’ snin tagħti importanza kbira lill-Gvernijiet Lokali.  Infatti waħda mill-istrutturi tagħha huwa l-Kumitat tar-Reġjuni fejn Malta hija rappreżentata mill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u fejn tajna s-sehem sħiħ tagħna matul l-aħħar snin.

L-Unjoni Ewropea toffri wkoll opportunitajiet kbar lill-Kunsilli Lokali.  Kellna diġà eżempji mill-aqwa ta’ numru ta’ Kunsilli Lokali li bbenefikaw bis-sħiħ minn fondi ta’ l-Unjoni Ewropea biex jattwaw proġetti jew jieħdu diversi inizjattivi f’ oqsma differenti.

Bħala parti minn din ir-riforma rridu naraw kif nagħtu l-għodda lill-Kunsilli Lokali sabiex ikunu jistgħu japplikaw għal aktar fondi ta’ l-Unjoni Ewropea.  Għalhekk irridu naħsbu kif tingħata l-informazzjoni dwar dawn l-opportunitajiet, tingħata l-għajnuna biex issir l-applikazzjoni u anke naħsbu kif niffaċilitaw l-ko-finanzjament ta’ dawn il-programmi.

L-esperjenza ta’ dawn l-aħħar snin urietna li minħabba ċ-ċirkustanzi partikulari ta’ pajjiżna huwa importanti li l-Kunsilli Lokali f’ diversi oqsma jaħdmu fuq bażi reġjonali.  Għalhekk irridu naraw kif insaħħu dan il-kunċett li diġà tħaddem f’ ċertu oqsma bħad-devoluzzjoni tad-dwal tat-toroq u t-tħaddim tas-sistema ta’ infurzar.

M’ għandix dubju li b’ ħidma aktar mill-qrib bejn il-Kunsilli Lokali jista’ jkun possibbli wkoll li l-Gvern jgħaddilkom responsabbiltajiet ġodda.

Biex nilħqu dan kollu hemm bżonn li jkun hemm riforma fil-liġi u r-regolamenti li għandhom x’ jaqsmu mal-Kunsilli Lokali.

Biex isir dan is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Konsultazzjoni Pubblika u l-Informazzjoni fl-Uffiċċju tiegħi ser jibda proċess ta’ konsultazzjoni ma’ dawk kollha involuti b’ mod dirett jew indirett fil-qasam tal-Gvern Lokali f’ pajjiżna.  Dan hu parti mill-mandat li għandu dan il-Gvern biex iwettaq f’din il-leġislatura:  riforma u titjib tal-Kunsilli Lokali.

Is-Segretarju Parlamentari diġà ta informazzjoni kif beħsiebu jmexxi dan il-proċess u t-temi prinċipali li ser jiġu trattati waqt l-istess proċess.

Il-mistoqsijiet li nixtieq nistedinkom taħsbu dwarhom jinkludu:

  • Kif ser noħolqu, fil-lokalità tagħna, il-bilanċ meħtieġ bejn l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u l-ħarsien ta’ l-ambjent?
  • Kif ser niżguraw li l-iżvilupp tal-lokalità tagħna illum mhux ser jippreġudika l-iżvilupp ta’ wliedna għada?
  • Kemm qed naraw fit-tul fid-deċiżjonijiet u l-pjanijiet tagħna?
  • Kif ser niżguraw l-ogħla standards fl-imġiba tas-Sindki u l-Kunsilliera tagħna?
  • L-istrutturi li għandna bħalissa huma l-aħjar biex nilħqu dawn l-għanijiet tagħna fiċ-ċirkustanzi tal-lum u ta’ għada?
  • X’ għandna tajjeb ħalli nkomplu nsaħħuh?
  • Fejn għandna bżonn inbiddlu?
  • X’taħriġ u preparazzjoni għandhom il-persuni li b’dedikazzjoni qed jagħtu ħinhom u l-enerġija tagħhom lil-lokalitajiet tagħna?
  • Kif u meta jkun jaqbel li Kunsilli jaħdmu flimkien u jkollhom riżultati aħjar milli jaqtgħu għal rashom?
  • Kif ser naslu għall-ħidma aktar ko-ordinata bejn il-Gvern Ċentrali u dik Lokali?
  • Fejn irridu li l-Kunsilli Lokali jkunu minn issa sa l-2015?

Il-Gvern diġà ħabbar fejn irid jara li Malta tkun fl-2015.  Irid li pajjiżna jkun l-aħjar f’seba’ oqsma prinċipali: fl-edukazzjoni, fis-saħħa, fl-informatika, fis-servizzi finanzjarji, fil-manifattura u s-servizzi marbuta magħha, fit-turiżmu u li Għawdex tkun gżira ekoloġika.  Anki l-Kunsilli Lokali għandhom sehem importanti f’din il-viżjoni, għaliex jinsġu flimkien aspetti differenti ta’ l-oqsma soċjali, ekonomiċi u ambjentali.

Inħeġġeġ lilkom Sindki, Viċi-Sindki u Segretarji Eżekuttivi sabiex flimkien mal-kollegi Kunsillera Lokali l-oħrajn, tagħtu s-sehem tagħkom biex flimkien nagħmlu t-tibdil li hemm bżonn biex insaħħu l-Kunsilli Lokali u niżguraw li dawn jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħna u tar-residenti tal-lokalitajiet rispettivi.

DOI - 23.05.2008

Popularity: 1% [?]

Welcome to Kaizenlog.com If you're new here, you may want to subscribe to my RSS feed , Twitter You can contact us by using the contact form or submitting a comment. You can also share this post with your friends by clicking on the 'ShareThis' button above. Thanks for visiting!



Print This Post Print This Post





  • Related Posts



  • Leave a Reply

    Comment moderation is enabled. Your comment may take some time to appear.