Welcome to Kaizenlog.com If you're new here, you may want to subscribe to my RSS feed , Twitter You can contact us by using the contact form or submitting a comment. Thanks for visiting!

NO. 0679

DISKORS MILL-ONOR. LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT IS-SEMINAR DWAR IL-KONTROLL FINANZJARJU INTERN PUBBLIKU, GĦALL-MANAGEMENT ANZJAN TAS-SETTUR PUBBLIKU, F’DAR IL-MEDITERRAN GĦALL-KONFERENZI, VALLETTA. - IT-TLIETA  13 TA’ MEJJU 2008

Nirringrazzjakom talli għoġobkom taċċettaw din l-istedina għal dan is-seminar dwar il-Kontroll Finanzjarju Intern Pubbliku. Nirringrazzja lid-Diviżjoni ta’ l-Awditjar Intern u Investigazzjonijiet Finanzjarji fl-Uffiċċju tal-Kabinett li qed torganizza dan is-seminar.

Meta, fil-leġislatura li għaddiet kelli r-responsabbiltà tal-finanzi ta’ pajjiżna kont għamilt erba’ miri:-

  • li nilħqu konsolidazzjoni fiskali;
  • li nnaqqsu n-nefqa ta’ l-amministrazzjoni pubblika;
  • li nimplimentaw riformi strutturali sabiex insaħħu l-kompetittività ta’ pajjiżna;
  • li nkomplu ninvestu fis-settur produttiv ta’ pajjiżna.

Flimkien ilħaqna dan il-proġett ambizzjuż; flimkien poġġejna l-finanzi pubbliċi f’qagħda b’saħħitha.  Dan ġab benefiċċji sostanzjali għal pajjiżna, li wassal għad-dħul ta’ l-Ewro fil-bidu ta’ din is-sena.  Nieħu din l-opportunità sabiex nirringrazzja lil kull wieħed u waħda minnkom hawnhekk għall-għajnuna tagħkom biex ilħaqna dawn  il-miri.

Imma kif tafu, il-Gvern f’din il-leġislatura qed jippjana sabiex jilħaq miri aktar ambizzjużi.

Illum kulħadd jaqbel li qegħdin ngħixu f’dinja dinamika li tinbidel kuljum, fejn il-kompetizzjoni internazzjonali dejjem tiżdied, u għalhekk ma nistgħux inserrħu moħħna fuq dak li diġà lħaqna.  Is-swieq finanzjarji internazzjonali qed jaffetwaw l-ekonomiji, fi żmien meta l-prezz taż-żejt u ċ-ċereali qiegħed dejjem jiżdied. Biex negħlbu dawn l-isfidi hemm bżonn l-impenn ta’ kulħadd.  Waħda mill-inizjattivi prinċipali li rridu nieħdu għall-ekonomija hija li nkomplu nżidu l-produttività, li hija kruċjali għall-kompetittività ta’ pajjiżna.

Aħna ntrabatna li jkollna surplus fil-budget sas-sena elfejn u għaxra. Fil-kuntest ta’ dawn l-isfidi, l-istrateġija tal-Gvern hi li jżid l-effiċjenza, il-kontabbiltà u t-trasparenza fis-settur pubbliku.  Hawnhekk nerġa’ ndur fuqkom, u  kif għamilt fl-2004, nitlob l-impenn tagħkom biex nilħqu dawn il-miri.

Irrid u nistenna li jkollna wkoll gvernar tajjeb u xieraq.  Il-poplu tagħna jrid li nkomplu nsaħħu d-demokrazija u t-trasparenza.  Fil-programm tal-Gvern, li tħabbar nhar is-Sibt fil-ftuħ tal-Parlament, saret referenza għal diversi liġijiet fosthom :

  • il-Liġi dwar l-Amministrazzjoni Pubblika,
  • il-Liġi dwar il-Libertà ta’ l-Informazzjoni, kif ukoll
  • il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Whistleblowers.

L-abbozz dwar l-Amministrazzjoni Pubblika jafferma l-prinċipji ta’ l-amministrazzjoni pubblika bħala strument għall-ġid komuni u jipprovdi għall-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji fis-settur pubbliku kollu. Dawn l-inizjattivi, flimkien ma’ oħrajn, huma intenzjonati sabiex ikomplu jżidu t-trasparenza u l-kontabbiltà fis-servizz pubbliku.

Dawn il-programmi jridu jkunu implimentati f’qafas fejn il-management fis-servizz pubbliku jrid iżomm ruħu aġġornat ma’ l-aħħar prattiċi filwaqt li nistinkaw sabiex innaqsu l-piż bla bżonn ta’ l-amministrazzjoni pubblika fuq is-setturi produttivi tal-pajjiż.

Intom qed tistinkaw sabiex ikunu żgurati l-aħjar metodi, trasparenti u adekwati, li jipprovdu assikurazzjoni raġjonevoli li l-fondi pubbliċi jintużaw għall-iskopijiet identifikati mill-Gvern u approvati mill-Parlament.

Il-ħidma tagħkom hija għodda ewlenija biex inżidu l-effiċjenza u  l-effettività tas-Settur Pubbliku.  Għalhekk il-Gvern ser isaħħah il-funzjoni ta’ l-awditjar intern u jinvesti sewwa fl-aħjar riżorsi u jikkonsolida l-kontrolli interni fis-servizz pubbliku.

Il-kontroll finanzjarju intern pubbliku huwa mibni fuq tliet prinċipji fundamentali:

  • l-kontabbiltà maniġerjali - din hija r-responsabbiltà tagħkom;
  • awditjar intern, u
  • l-armonizzazzjoni ta’ metodi komuni ta’ kontroll intern fis-Settur Pubbliku - dawn ta’ l-aħħar huma r-rwoli tad-Diviżjoni ta’ l-Awditjar Intern u Investigazzjonijiet Finanzjarji.

Dawn it-tlieta flimkien jipprovdu l-bażi li biha jintlaħqu l-miri tad-deċentralizzazzjoni u din tiġi ffaċilitata permezz ta’ moniteraġġ u kontroll iċċentralizzat.  Il-mudell adottat mill-Gvern fl-2004, fejn il-Kapijiet tal-Ministeri, Dipartimenti u Entitajiet ġew fdati bir-responsabbiltà li jimmaniġjaw il-Ministeri, id-Dipartimenti u l-Entitajiet waqt li l-Gvern Ċentrali eżerċita moniteraġġ u kontroll skond il-mandat tal-poplu, ta riżultati pożittivi.  Dan l-arranġament li kien suċċess f’dawn l-aħħar snin, ser insaħħuh u jiena konvint li dan il-proġett varat illum ser jgħin sabiex jerġa’ jkollna suċċessi f’din il-leġislatura.

L-ewwel pilastru tal-kontroll finanzjarju intern pubbliku huwa li noħolqu ambjent ta’ kontroll effettiv mill-management ta’ kull Ministeru, Dipartiment u Entità tal-Gvern.  Dan huwa xogħolkom.  Eżempju tajjeb minn fuq, minn għandkom bħala kapijiet, jinfluenza l-ambjent ta’ kontroll fl-entitajiet li tmexxu. Dan huwa l-pedament tal-komponenti kollha tal-kontroll intern. Il-Malti jgħid l-eżempju jkaxkar u hekk intom tridu tkunu ta’ eżempju għal dawk ta’ madwarkom u għall-impjegati tagħkom. Dan jinkludi l-professjonalità u l-integrità ta’ l-individwu, il-valuri etiċi kif ukoll il-kompetenza u l-obbligazzjonijiet ta’ l-individwu.  Dan kollu għandu effett fuq il-kontroll intern ta’ l-entità.  It-titjib tal-kontroll intern ser jiġi megħjun mill-Gvern b’numru ta’ inizjattivi ġodda fix-xhur li ġejjin.

Il-Gvern dalwaqt ser jintroduċi l-Corporate Governance Framework għall-entitajiet pubbliċi u Kodiċi ta’ Etika aġġornat għall-Membri tal-Bordijiet ta’ l-Entitajiet pubbliċi. Il-Gvern ser jintensifika wkoll il-ġlieda kontra l-frodi u l-irregolaritajiet b’diversi inizjattivi.

Nagħlaq billi nirringrazzjakom għall-assistenza li tajtu lill-Financial Management Monitoring Unit (FMMU) liema Unit kienet u għadha titlob minn għandkom informazzjoni sabiex twettaq xogħolha sew.  Ninsab ċert li ħa tagħtu l-istess appoġġ lid-Diviżjoni ta’ l-Awditjar Intern u Investigazzjonijiet Finanzjarji immexxija mis-Sinjura Rita Schembri, partikularment fl-implimentazzjoni tal-inizjattiva tal-kontroll finanzjarju intern pubbliku.

DOI - 13.05.2008

Popularity: 2% [?]

Listen to this podcast Listen to this podcast

Print This Post Print This Post





  • Related Posts



  • Leave a Reply

    Comment moderation is enabled. Your comment may take some time to appear.