‘Social Reel Festival’, 2008
minn Andre’ Damato
http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=44065
Nhar is-26 ta’ April, 2008, il-GWU Youths flimkien ma’ Żminijietna Żgħażagħ tax-Xellug, il-Forum Żgħażagħ Laburisti u l-Kunsill Studenti Universitarji tellgħu l-ewwel edizzjoni tas-Social Reel Festival, f’Dar l-Istudent, fl-Università ta’ Malta.

Il-festival kien jinkludi f’sitt films b’tema soċjo-kulturali, li lkoll huma inqas minn 20 minuta l-wieħed. Dawn kienu:

‘Courageous Hearts without Retreat’

Lingwa: Svediż b’sotto-titli bl-Ingliż.

Film dokumentarju magħmul min studenta Svediża, Nina Zita, bl-appoġġ ukoll ta’ Koperattiva Kummerċ Ġust. Il-produzzjoni tittratta l-esplojtazzjoni tal-ħaddiema fil-Cambodia, f’dawk imsejħa ’Sweatshops’. Dawn ikunu postijet tax-xogħol fejn il-ħaddiema jaħdmu siegħat twal, f’kundizzjonijiet ħżiena u li kultant anke perikolużi, b’pagi baxxi ħafna. Id-direttriċi tagħżel li tiddedika nofs ix-xeni tal-film għall-intervisti ma’ ħaddiema u trejdjunjonisti tal-Cambodia waqt li n-nofs l-ieħor huma intervisti ma’ konsumaturi u kumpaniji tal-ħwejjeġ Svediżi. L-għeluq tal-film huwa messaġġ minn attivisti favur kummerċ ġust u kontra l-esplojtazzjoni fil-qasam ta’ xogħol fil-Cambodia.

“Beaten”

Lingwa: Malti b’sotto-titli bl-Ingliż.

Film ta’ Joseph Meli min Dawwara Pictures. Maħdum f’pajjiżna, dan il-film jittratta l-vjolenza domestika. L-istorja fittizja tinbena fuq tliet karattri; tfajla u żewġt irġiel. Il-film jinqasam fit-tnejn, fejn fl-ewwel parti t-tfjala li tiġi vjolentata, tirribella u toqtol lill-żewġha. Fit-tieni parti l-istess tfajla jkollha sieħeb differenti u terġa’ tesperjenza l-agressjoni mis-sieħeb il-ġdid, iżda… din id-darba taħfirlu. Id-direttur jenfazizza l-effeti psikoloġiki fuq it-tfajla u jirnexxielu joħloq stampa fejn għalkemm juża żewġ karattri differenti għall-irgiel dawn jimxu b’mod simili ħafna; min-naħa l-oħra ż-żewġ reazzjonijiet differenti tat-tfajla jħallu l-effett daqs li kieku hemm żewġ karattri nisa.

Karattri principali: Clare Aguis, Peter Mercieca u Antonie Zammit.

“Bound by Promises - Contemporary Slavery in Rural Brazil”

Lingwa : Portugiż b’sotto-titli bl-Ingliż.

Film li juri kif ħaddiema fil-Brażil jiġu trattati fi wħud mir-’ranches’ li fihom jinġabar iċ-’charcoal’ biex ikun trasportat għall-manifattura. Id-direttur jurina kif xi ħaddiema ta’ dawn ir-’ranches’ isiru ’skjavi’ tas-sid tar-renġ fejn jaħdmu. Dan għx min iħaddimhom jitlobhom iħallsuh ta’ l-għodda li jużaw u ta’ l-ikel minimu li jieklu u fl-aħħar tax-xahar jiġu li flok daħlu paga għandhom jagħtu l-flus lis-sid tar-‘ranch’. B’riżultat li ħaddiema minnhom jibqgħu mweħlin ma’ l-art fejn jaħdmu, mingħajr ma jkunu jistgħu jitilqu, peress li dejjem jifdalhom xi jħallsu lis-sid f’xogħol. Il-film juri kif il-Gvern Brażiljan qed jaħdem biex jalleva l-kundizzjonijiet ta’ dawn il-ħaddiema u jeqred għal kollox din is-sistema ta’ skjavitu modern.

“New Tricks”

Lingwa : Ingliż.

Ambjentat f’Salford fl-Ingilterra, post li parti kbira mill-popolazzjoni tiegħu tappartjeni għall-klassi tal-ħaddiema. Dan il-film jitratta t-tipjip f’postijiet pubbliċi fir-Renju Unit fil-kuntest tal-liġi li ddaħħlet nhar l-1 ta’ Lulju, 2007, li ma ħallietx aktar tipjip isir f’postijiet pubbliċi. Elizabeth Waite tagħżel li tinvestiga r-reazzjonijiet tan-nies ta’ dan il-lokal, is-sidien tal-pubs u diskoteki f’kuntrast ma intervisti ma nies li qegħdin jaħdmu għal promozzjoni ta’ ħajja mingħajr tipjip u iktar b’saħħita.

“Kindergarten”

Film ta’ minuta maħluq minn Melchior Vella, li jippreżenta kuntrast ta’ żvilupp urban kontra ambjent rurali f’Malta. Melchior jagħżel li jirriserva l-ewwel 30 sekonda biex jaqbad stampi mid-dinja urbana… ta’ żvilupp, traffikku, storbju, tniġġis u kaws. Fit-30 sekonda ta’ wara juri xeni sereni fil-kampanja u jiffoka l-kamera tiegħu fuq għasfur tal-bejt, farfett abjad u l-ħaxix tal-qarsu li għalkemm speċi komuni ħafna f’pajjiżna, xorta joffru s-serenità ’l bogħod mid-dinja ta’ kaws urban. Għalkemm l-iqsar fost is-sitt films, Melchior xorta rnexxielu jwassal messaġġ ċar lill-udjenza preżenti.

‘Katrina’

Lingwa: Malti b’sotto-titli bl-Ingliż.

Film ta’ Eleonora Rose Abela, orjentat f’Malta f’nofs l-aħħar seklu fil-villaġġ żgħir rurali. Il-film mibni fuq aspett ta’ mħabba trijangulari. Jibda billi jesplora l-ħbiberija ta’ tifel abbati u tifla (Katrina) meta dawn ikunu taħt l-għaxar snin. Ftit snin wara, it-tifel ikollu jitlaq mill-villagg biex isir qassis. Jgħaddu għaxar snin u t-tifel jirritorna, iżda din id-darba bħala raġel u qassis fil-Knisja Parrokjali. Sadanittant ix-xebba Katrina tkun waslet biex tiżżewweġ ġuvni ieħor. X’ħin Katrina tinduna bil-wasla tal-qassis din tidħol f’dilemma, għax l-imħabba ġovanili lejn il-qassis tirritorna. Il-film jagħlaq billi l-qassis li Katrina tant ħabbet fit-tfulita, iżżewweġ lil Katrina u l-għarus tagħha.

Karattri principali: Katrin Mari Pavia, Carlos Mizzi, Paul Cini, Raisa Pace u Mauro Mizzi.

Għalkemm l-iskop ta’ dan il-festival ma kienx wieħed ta’ kompetizzjoni iżda li jiġu mwassla messaġġi għal bidla soċjali, ir-rebbieħ ta’ l-ewwel edizzjoni tas-Social Reel Festival kien Joseph Meli, għall-film tiegħu “Beaten”. Il-ġurija ħassew li “Beaten” kien l-iktar film li laħaq il-kriterji marbutin mal-Festival.

Dan bl-ebda mod ma jnaqqas il-livell u l-validità artistika jew soċjali tal-ħames produzzjonijiet l-oħrajn. L-organizzatturi tal-Festival jixtiequ jirringrazzjaw lill-parteċipanti kollha, lil dawk kollha li attendew u lil dawk kollha li għenu biex din l-attività tkun suċċess.

Għal iktar informazzjoni dwar il-festival idħol: www. zminijietna.org/zzx/activities/srf2008.html

andre.damato [Email address: andre.damato #AT# gmail.com - replace #AT# with @ ]

Popularity: 5% [?]

Welcome to Kaizenlog.com If you're new here, you may want to subscribe to my RSS feed , Twitter You can contact us by using the contact form or submitting a comment. You can also share this post with your friends by clicking on the 'ShareThis' button above. Thanks for visiting!



Print This Post Print This Post





  • Related Posts



  • Leave a Reply

    Comment moderation is enabled. Your comment may take some time to appear.