KULLANA TA’ PROĠETTI TA’ TISBIĦ FIĊ-ĊENTRI TA’ L-IRĦULA MIFRUXA MAL-PAJJIŻ KOLLU
Posted by: kaizenlog in Kaizenlog, tags: KULLANA TA’ PROĠETTI TA’ TISBIĦ FIĊ-ĊENTRI TANO. 1694
Kullana ta’ Proġetti ta’ tisbiħ fiċ-ċentri ta’ l-irħula mifruxa mal-pajjiż kollu
Fl-aħħar erba’ snin rajna ħidma qawwija u elaborata sabiex diversi ċentri ta’ l-irħula tagħna jingħataw dehra isbaħ, liema xogħlijiet waslu sabiex l-istess ċentri joħorġu l-karatteristika tagħhom. Ix-xogħlijiet kienu jinkludu tisbiħ taz-znieter, illuminazzjoni tal-faċċati tal-knejjes parrokkjali u fejn kien possibli ġie msebbaħ ukoll iċ-ċentru jew il-pjazza tar-raħal konċernat. Il-Ministru għar-Riżorsi u Infrastruttura, il-Perit Ninu Zammit qal dan meta kien qed iżur xogħlijiet ta’ tisbiħ li qed isiru fiz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali ta’ l-Imqabba.
Dan ix-xogħol se jkompli jżid il-kullana ta’ proġetti simili li saru fl-aħħar erba’ snin li kienu jinkludu:
· tisbiħ fiċ-ċentru ta Hal-Safi,
· fiċ-ċentru tal-Mellieħa,
· fiċ-ċentru ta’ Ħal Lija,
· fiċ-ċentru ta’ Hal-Kirkop,
· pjazza Paolino Vassallo f’Bormla,
· zuntier tal-knisja parrokkjali taż-Żurrieq,
· zuntier tal-knisja parrokkjali ta’ Haż Żabbar,
· fiċ-ċentru ta’ B’Buġa,
· mad-dawra tal-knisja ta’ San Bastjan u
· z-zuntier tal-knisja parrokjali ta’ San Gwann.
Barra minhekk, fil-preżent qed jiġu konklużi xogħlijiet fiċ-ċentru tal-Qrendi u fuq iz-zuntier tal-Knisja parrokkjali ta’ Ħal Balzan.
Meta kien qed jispjega x-xogħlijiet, il-Ministru Ninu Zammit qal li wara li nqala l-wiċċ l-antik li kien magħmul mill-madum tas-siment, ġew mgħoddija l-pajpijiet li minnhom se jgħaddu l-cables ta’ l-elettriku. Peress li taħt il-madum tas-siment instabet art magħmula minn ċangatura tal-franka ma nħassx il-bżonn li tingħata sodda tal-konkos iżda kien biżejjed li jintefa’ materjal apposta sabiex jiġu rispettati l-livelli eżistenti.
Wara li tlesta dan ix-xogħol beda jitpoġġa l-madum li hu kompost minn ċangatura taż-żonqor u madum tal-granit. Id-disinn magħżul hu wieħed li jikkumplimenta ma’ l-arkitettura tal-knisja. L-area totali tal-pavimentar hi ta’ madwar 400 metru kwadru u se jiġu nstallati sbatax-il uplighter li se jilluminaw il-faċċata tal-knisja. Il-bankina tad-dawra tal-knisja wkoll ser jinbidlilha l-wiċċ u flok il-konkos se jitpoġġa madum taż-żonqor.
F’kelmtejn lill-ġurnalisti preżenti l-Ministru Zammit qal li l-investiment tal-Gvern f’dawn il-proġetti ta’ tisbiħ hu wieħed sostanzjali u qed jissarraf f’xogħlijiet ta’ fejda, indirizzat mhux biss lejn il-lokalita’ konċernata, iżda lejn l-iżvilupp tal-pajjiż in ġenerali. B’ħidma kollettiva mill-ħaddiema fi ħdan il-Ministeru qed twassal sabiex b’irranġar b’materjal adattat, kif ukoll l-illuminazzjoni b’dawl artifiċjali ta’ l-ibliet u l-irħula ta’ dawn iċ-ċentri qed jissarrfu f’ambjenti isbaħ kif ukoll fi preservazzjoni aħjar tal-wirt arkitettoniku u vernakulari li pajjiżna huwa mżejjen bihom. Il-ħidma se tissokta fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin, fejn se jibdew xogħlijiet fiċ-ċentru tas-Siġġiewi, f’Santa Venera, fil-Fgura, f’Santa Luċija u fuq iz-zuntier tal-knisja ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi.
DOI – 08.11.2007
Welcome back to Kaizenlog.com, you may want to subscribe to my RSS feed , Twitter You can contact us by using the contact form or submitting a comment. You can also share this post with your friends by clicking on the 'ShareThis' button above. Thanks for visiting!
Print This Post










Entries (RSS)