Impenn bil-fatti fl-infrastruttura tat-trasport
Posted by: kaizenlog in Malta, tags: Impenn bil-fatti fl-infrastruttura tat-trasport
NO. 1483
Impenn bil-fatti fl-infrastruttura tat-trasport
Fil-ġimgħat li ġejjin mistenni li jittella’ bil-polza għadd ieħor ta’ period contracts biex jinbnew aktar toroq residenzjali f’lokalitajiet differenti.
Dan ħabbru l-Perit Jesmond Mugliett, Ministru għall-Iżvilup Urban u Toroq, meta dalgħodu żar xogħlijiet li qed isiru bħalissa f’toroq residenzjali f’Pembroke.
Il-Ministru Mugliett spjega li l-aħħar għadd ta’ toroq residenzjali, b’kollox sbatax-il triq, kien assenjat bil-polza aktar kmieni f’Settembru li għadda. Dan l-għadd ta’ period contracts segwa għadd ieħor li ttella bil-polza fl-1 ta’ Awissu li għadda. Bit-toroq li se jkunu assenjati bil-polza fil-ġimgħat li ġejjin, hu mistenni li l-Gvern ikun wasal f’nofs il-programm tiegħu ta’ bini ta’ toroq residenzjali.
Dan wara li f’Awissu 2006 il-Gvern kien imbarka fuq proġett ambizjuż meta nieda programm estensiv ta’ aktar minn 450 triq residenzjali f’47 lokalità ma’ Malta kollha, liema programm ilaħħaq investiment ta’ madwar Lm9 miljuni (€21 miljun).
F’Pembroke il-Ministru Mugliett żar ix-xogħlijiet li qed isiru fi Triq Darmenia kif ukoll triq ġdida f’din l-istess triq, b’valur totali ta’ madwar Lm33,000 (€77,000). F’din il-lokalità għadhom kemm tlestew Triq il-Kurunell Cocks u Triq Salvatore Castaldi, b’investiment ta’ madwar Lm11,000 (€25,600) kif ukoll Triq il-Beatu Ġorġ Preca, b’investiment ta’ aktar minn Lm15,000 (€35,000) oħra. Il-Gvern Ċentrali kkommetta ruħu li f’Pembroke jibni wkoll Toroq il-Beatu Nazju Falzon u Burma. Bit-tlestija ta’ Triq Darmenia u triq ġdida f’din l-istess triq, il-Gvern ikun lesta aktar minn 70 fil-mija tat-toroq li kkommetta ruħu li jibni f’Pembroke.
Dawn it-toroq jiffurmaw parti minn network infrastrutturali qalb housing estate ġdid li għadu kemm sar mill-Gvern Ċentrali. Għaldaqstant ix-xogħlijiet li saru jinkludu wkoll il-bini ta’ bankini ġodda kif ukoll xi xogħol ta’ pavimentar. Hu stmat li l-area ta’ dan il-housing estate ġdid f’Pembroke se tgwadi minn investiment li jlaħħaq madwar Lm64,000 (€150,000) f’toroq residenzjali u żvilupp urban.
Il-Ministru Jesmond Mugliett irrefera wkoll għal sistema ta’ Park and Ride ġdid li se jinbena fil-Luxol. Hu qal li bħalissa l-Awtorità Dwar it-Trasport qed tistenna li jinħarġu l-permessi meħtieġa mill-MEPA dwar dan il-proġett. Dan il-Park and Ride ġdid fil-Luxol se jindirizza l-problema ta’ parkeġġ f’Paceville u fl-istess ħin itaffi mid-diffikultajiet li jkollhom jiffaċċjaw ir-residenti tal-madwar fosthom San Ġiljan, is-Swieqi, St Andrews u Pembroke stess. Hu qal li kemm dan il-Park and Ride ġdid kif ukoll it-toroq residenzjali ġodda li qed jinbnew mill-Gvern Ċentrali qed jagħtu kwalità ta’ ħajja aħjar lir-residenti.
“Aħna rridu li dawn it-toroq jinbnew bil-għaqal u bis-serjetà kif suppost għandu jkun, biex ikunu toroq ta’ kwalità li jkomplu jtejbu l-livell ta’ l-għixien tagħna. Il-Gvern qed juri bil-fatti li miexi fit-triq it-tajba biex dan l-impenn iżommu,” temm il-Ministru Jesmond Mugliett.
DOI – 05.10.2007
Popularity: 2% [?]
Welcome to Kaizenlog.com If you're new here, you may want to subscribe to my RSS feed , Twitter You can contact us by using the contact form or submitting a comment. You can also share this post with your friends by clicking on the 'ShareThis' button above. Thanks for visiting!
Print This Post









Entries (RSS)