NO. 1424

Gvern b’impenn konkret fl-infrastruttura tat-trasport

Matul din l-aħħar leġislatura l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern wera bil-fatti kemm tassew sarraf li huwa Gvern li jagħti każ tal-ħtiġijiet fl-infrastruttura tat-trasport.

Fil-fatt il-Gvern mhux biss nieda programm ta’ aktar minn 450 triq residenzjali b’investiment ta’ Lm9 miljuni (€21 miljun), kif ukoll bena kilometri sħaħ ta’ toroq arterjali bis-saħħa ta’ finanzjament li Malta kisbet mill-Unjoni Ewropea u mill-Gvern Taljan, frott l-istess sħubija, iżda wkoll għadd ta’ toroq oħra addizzjonali li jservu ta’ links importanti li jgħaqqdu diversi lokalitajiet flimkien.

Dan qalu l-Onor. Jesmond Mugliett, Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, meta dalgħodu żar l-aħħar fażi ta’ xogħlijiet li qed isiru fi Triq tas-Sejba fl-Imqabba b’investiment mill-Gvern Ċentrali stmat li jlaħħaq madwar Lm32,000 (€74,540) fuq medda ta’ 1,600 metru kwadru.

Il-Ministru Mugliett qal li l-Gvern ħass li għalkemm Triq tas-Sejba mhix inkluża fil-Programm ta’ Bini ta’ Toroq Residenzjali 2006 – 2008, kienet tinħtieġ attenzjoni partikolari peress li hi meqjusa bħala link importanti li tgħaqqad diversi lokalitajiet u nħawi fix-Xlokk ta’ Malta. Fil-fatt din it-triq tintuża ħafna minn bosta li joqgħodu mhux biss fl-Imqabba, iżda wkoll fl-irħula tal-madwar fosthom il-Qrendi, iż-Żurrieq u s-Siġġiewi kif ukoll minn għadd ta’ bdiewa u raħħala li għandhom r-raba’ u l-irziezet fil-viċin.

Qabel ix-xogħlijiet li żar illum il-Ministru Mugliett, it-triq kienet twessgħat u saru xi xogħlijiet fuq is-sistema tad-drenaġġ mill-Water Services Corporation. In-Network Infrastructure Directorate fi ħdan l-Awtorità Dwar it-Trasport, ħa ħsieb ibaxxi u jillivella bażi ġdida u soda għat-triq f’tul ta’ medda ta’ 250 metru, fost l-oħrajn permezz ta’ cement stabilization. Dan bl-iskop li t-triq tkun tiflaħ għall-ammont ta’ trakkijiet li jużaw it-triq.

Il-Ministru Mugliett fakkar kif ftit tal-ġimgħat ilu l-Awtorità Dwar it-Trasport lestiet toroq simili ta’ Triq tas-Sejba fosthom it-Triq ta’ Wied il-Qlejja (Chadwick Lakes) bejn l-Imtarfa u l-Mosta b’tul ta’ madwar 2Km u b’investiment ta’ Lm40,000 (€93,175) u t-Triq tal-Manikata, b’tul ta’ 2.3 Km u b’investiment ta’ madwar Lm100,000 (€232,937) oħra. Din ta’ l-aħħar isservi ta’ link importanti bejn il-Wied tal-Pwales u l-bypass tal-Mellieħa.

Minbarra Triq tas-Sejba, spjega l-Ministru Mugliett, il-Gvern ħa ħsieb li jidħol għax-xogħlijiet f’link road oħra fl-inħawi, Triq il-Qrendi li tgħaqqad iż-Żurrieq mal-bypass ta’ l-Imqabba. Din it-triq, simili għal Triq tas-Sejba, hi link li tintuża minn bosta li jkunu jridu jivvjaġġaw bejn il-lokalitajiet fl-inħawi. L-ewwel fażi ta’ din it-triq tinsab lesta, waqt li fix-xhur li ġejjin mistenni li tinbeda t-tieni fażi ta’ Triq il-Qrendi.

Sa ftit ġimgħat oħra l-Gvern ikun lesta aktar min-nofs it-toroq residenzjali li kkommetta ruħu li jibni fl-Imqabba. Fil-fatt mill-programm ta’ toroq residenzjali fl-Imqabba s’issa tlestew dawn it-toroq: Dun Anġlu Mallia, Filippo Venuti u l-Ħajt tal-Matla, waqt li għaddej ix-xogħol f’Toroq il-Fidwa u 15 ta’ Settembru. Hekk kif jitlestew dawn iż-żewġ toroq jinbeda x-xogħol fi Triq Mentna. Ikun fadal imbagħad Triq George Martin, service road fi Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija, Dun Giacomo Tortella u triq ġdida f’din l-istess triq kif ukoll it-twessiegħ ta’ Triq Annetto Caruana.

Qabel tħabbar il-programm residenzjali għas-snin 2006 – 2008 il-Gvern Ċentrali bena wkoll Toroq Familja Brancati, it-Torba, il-Franka, Spnar, Xandru Farrugia, Mons. Alfons Caruana u Ġanni Darmanin, ilkoll fl-Imqabba.

DOI – 26.09.2007

Welcome to Kaizenlog.com If you're new here, you may want to subscribe to my RSS feed , Twitter You can contact us by using the contact form or submitting a comment. You can also share this post with your friends by clicking on the 'ShareThis' button above. Thanks for visiting!



Print This Post Print This Post





  • Related Posts



  • Leave a Reply