Għaxar proġetti ta’ tisbiħ taċ-ċentri ta’ l-irħula mwettqa f’sena waħda biss
Posted by: kaizenlog in Kaizenlog
NO. 1431
Għaxar proġetti ta’ tisbiħ taċ-ċentri ta’ l-irħula mwettqa f’sena waħda biss
L-investiment għaqli tal-Gvern favur it-tisbiħ ta’ pajjiżna qed iwassal biex f’sena waħda se jkunu mplimentati għaxar proġetti ta’ tisbiħ f’ċentri ta’ rħula mifruxin ma’ pajjiżna. Dawn il-proġetti huma element wieħed fost xogħlijiet oħra ta’ tisbiħ li qed iwettaq il-Ministeru għar-Riżorsi u Infrastruttura. Il-Ministru Ninu Zammit qal dan meta kien qed iżur xogħlijiet ta’ tisbiħ li qed isiru fuq iz-zuntier u d-dawra tal-knisja parrokkjali ta’ Ħal-Balzan.
Dawn ix-xogħlijiet qed jiġu mwettqa bi sħab mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal-Balzan u jinkludu pavimentar mill-ġdid taz-zuntier tal-knisja, sistema ġdida ta’ illuminazzjoni u pavimentar tat-turġien kollha. Id-disinn tal-pavimentar gie mfassal b’tali mod li jżomm il-linja arkitettonika tal-knisja u l-madum tal-pavimentar hu mżewwaq bi tlett kuluri, dak griż ċar, griż skur u safrani ċar. Il-materjal li qed jintuża fil-pavimentar jikkonsisti f’madum tal-granit u madum tal-ġebla tal-qawwi.
Meta kien qed jispjega x-xogħlijiet, il-Perit Ninu Zammit qal li kif sar fuq xogħlijiet simili, l-ewwel ma jsir jinqala’ l-wiċċ l-antik u wara li jiġu mgħoddija l-pajpijiet neċessarji għall-użu tas-servizzi, primarjament is-sistema ta’ l-illuminazzjoni, tingħata sodda tal-konkos li sservi ta’ bażi aktar soda għall-pavimentar. Sussegwentement beda’ t-tqegħid tal-madum li se jkopri area ta’ madwar 650 metru kwadru. Wara li jitlesta l-pavimentar se jkunu mqegħda t-turġien mill-ġdid sabiex fl-aħħarnett jitpoġġew l-uplighters tad-dawl li se jdawwlu l-knisja.
Għal darb’oħra x-xogħlijiet qed jitwettqu kollha mill-ħaddiema tal-Ministeru u l-finanzjament ta’ dan il-proġett hu maqsum bejn id-Diviżjoni tax-Xoghlijiet u l-Kunsill Lokali ta’ Ħal-Balzan. Il-Ministru Ninu Zammit irrimarka li l-inizjattiva ta’ dan il-Kunsill Lokali flimkien ma’ oħrajn li segwew l-istess passi għandha sservi ta’ eżempju ċar u konkret fejn b’ħidma kollettiva u ko-ordinata bejn il-Gvern Lokali u dak Ċentrali twassal għall-investiment aħjar tal-fondi pubbliċi, twettiq ta’ numru akbar ta’ proġetti u allura titjib u tisbiħ ta’ aktar żoni u ġojjelli arkitettoniċi li għandu pajjiżna.
Il-proġett li nbeda fl-aħħar ġranet hu mistenni li jkun komplut qabel l-aħħar ta’ din is-sena. Ma’ dan il-proġett hemm sensiela ta’ proġetti simili li għaddejjin fosthom l-aħħar fażi tax-xogħlijiet fiċ-ċentru tal-Qrendi, xogħlijiet li se jibdew fuq iz-zuntier ta’ l-Imqabba, tal-Fgura u ta’ Santa Venera. L-ammont kbir ta’ proġetti ta’ restawr u tisbiħ li tlestew fl-aħħar 4 snin u dawk li huma ppjanati għall-ġejjieni, juru d-determinazzjoni u l-impenn qawwi tal-Gvern li mhux bil-paroli jew bir-rapporti iżda bil-fatti kull rokna ta’ pajjiżna qed tiġi msebbħa u ndukrata kif jixraq, temm jgħid il-Ministru Ninu Zammit.
DOI – 27.09.2007
Welcome back to Kaizenlog.com, you may want to subscribe to my RSS feed , Twitter You can contact us by using the contact form or submitting a comment. You can also share this post with your friends by clicking on the 'ShareThis' button above. Thanks for visiting!
Print This Post

Entries (RSS)