IT-TNEJN: 17 TA’ SETTEMBRU 2007

NO. 1382

Jibda l-proġett ta’ skola sekondarja ġdida f’Għawdex

Il-proġett ambizzjuż tal-bini ta’ skola sekondarja ġdida għas-subien f’Għawdex ingħata bidu għalih fl-aħħar jiem. Il-proġett ser jara l-iżvilupp mill-ġdid tal-kumpless tal-liċeo f’Għawdex li se jinbidel fi skola ġdida mogħnija bil-faċilitajiet adattati għaż-żminijiet ta’ llum.

Din se tkun ir-raba’ skola ġdida mibnija mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada wara li nbnew dawk ta’ San Benedittu f’Ħal Kirkop, l-iskola l-ġdida f’Ħal Qormi u l-iskola l-ġdida minflok il-Verdala Junior Lyceum. Il-proġett ta’ l-iskola l-ġdida f’Għawdex huwa proġett ieħor tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada, fi ħdan il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi li ser tieħu ħsieb dan il-proġett bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex.

L-ewwel fażi tax-xogħlijiet inbdiet il-ġimgħa li għaddiet. Ix-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa jinvolvu t-tħammil ta’ waħda mill-btieħi ta’ l-iskola fejn diġa’ ġew imwaqqgħin kurridur u taraġ, it-tħaffir għall-pedamenti u l-bini ta’ blokk ġdid li se jkun wieħed minn ħamsa li se jiffurmaw il-kumpless il-ġdid. Meta jkun lest dan l-ewwel blokk, ser ikun possibli li l-amministrazzjoni ta’ l-iskola tagħmel użu minnu anke meta jkun għaddej ix-xogħol fuq il-blokki l-oħra. Dan il-proġett jinvolvi l-investiment ta’ Lm3 miljun (€6.99 miljuni).

L-iskola l-ġdida ser tinkludi 45 klassi, 9 laboratorji tax-xjenza, 6 laboratorji tat-teknoloġija, 4 laboratorji tal-computers, klassijiet għat-tagħlim ta’ l-arti, Home Economics u Needlework, oħrajn għall-komunikazzjoni grafika, kmamar għar-riżorsi u faċilitajiet moderni oħra li jinkludu kmamar fejn tingħata gwida dwar karrieri, librerija u spazji miftuħa li jkunu jistgħu jintużaw kemm waqt il-ħin ta’ l-iskola kif ukoll għal attivitajiet komunitarji. Il-bini ser jinkludi wkoll parkeġġ taħt l-art filwaqt li ser tinfetaħ triq li tgħaqqad Triq l-Ewropa ma’ Triq Fortunato Mizzi, li se tintuża mit-trasport ta’ l-iskejjel biex tiżdied is-sigurta’ għall-istudenti.

Ix-xogħol il-kbir ta’ tħammil u tħaffir hu skedat li jkun mitmum sa’ l-aħħar ta’ Settembru biex b’hekk jiġi minimizzat l-inkonvenjent għall-istudenti. Qed jittieħdu prekawzjonijiet biex iż-żona li fiha għaddej ix-xogħol tkun magħluqa mill-bqija ta’ l-iskola biex l-aċċess għas-sit ikun kontinwament mgħasses u kkontrollat. B’hekk tiġi assigurata s-sigurta’ ta’ l-istudenti kif ukoll ta’ dawk li jaħdmu f’din l-iskola. Ittieħdu passi wkoll biex ikun hemm aċċess alternattiv għall-workshops li hemm fil-qrib, u li ser jibqgħu jintużaw matul is-sena skolastika li ġejja.

Il-Ministru Debono rringrazzjat lill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada li taqa’ taħt ir-responsabilita’ tal-Ministru għall-Edukazzjoni Louis Galea, li qed jagħtu attenzjoni speċifika lill-iskejjel ta’ Għawdex biex b’hekk anke din il-gżira tibbenefika mill-programm ta’ ħidma ntensiva fl-immodernizzar ta’ skejjel madwar Malta, li ngħata bidu għalih f’dawn l-aħħar snin. Il-Ministru Debono qalet ukoll li wara l-esperjenzi pożittivi ta’ l-iskejjel ġodda li nbnew f’Malta mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada, huwa mistenni li l-iskola sekondarja tas-subien f’Għawdex tkun mibnija wkoll fuq livelli għolja ta’ kwalita’ u fiż-żmien stipulat.

Akkumpanjata mill-Kap ta’ l-iskola, Dr Frank Abela, il-Ministru Debono żaret żona li ma kienitx tintuża mill-iskola u li fiha sar xogħol biex tkun tista’ sservi bħala post alternattiv għal waqt ir-rikreazzjoni għall-istudenti. L-assemblea ta’ filgħodu ser tibda tinżamm fi spazju ħdejn il-Kumpless Sportiv t’Għawdex filwaqt li l-istess kumpless ser jintuża għal-logħob tal-futbol u attivitajiet oħra rikreattivi.

Il-Ministeru għal Għawdex u l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada wettqu sensiela ta’ proġetti ta’ tisbiħ u mmodernizzar ta’ bosta skejjel oħra f’Għawdex biex it-tfal Għawdxin jingħataw faċilitajiet edukattivi li joffru sigurta, aċċessibilita’ u ambjent sabiħ. Matul l-aħħar xhur sar xogħol fl-iskejjel primarji ta’ Għajnsielem, in-Nadur, ix-Xewkija u ż-Żebbuġ, kif ukoll fl-iskola sekondarja tal-bniet Agius de Soldanis u fiċ-Ċentru għal Studji Ogħla Sir Mikelanġ Refalo.

DOI - 17.09.2007

Welcome to Kaizenlog.com If you're new here, you may want to subscribe to my RSS feed , Twitter You can contact us by using the contact form or submitting a comment. You can also share this post with your friends by clicking on the 'ShareThis' button above. Thanks for visiting!



Print This Post Print This Post





  • Related Posts



  • Leave a Reply