INVESTIMENT TA’ ’L FUQ MINN NOFS MILJUN LIRA FI PROĠETTI TA’ TISBIĦ TAĊ-ĊENTRI TA’ L-IRĦULA TA’ PAJJIŻNA
Posted by: kaizenlog in Kaizenlog![]() | ![]() | ![]() | ![]() | ![]() | |||||||||||||||||||||||||||||||||||||
NRU: 1281
INVESTIMENT TA’ ’L FUQ MINN NOFS MILJUN LIRA FI PROĠETTI TA’ TISBIĦ TAĊ-ĊENTRI TA’ L-IRĦULA TA’ PAJJIŻNA
Jitlesta xogħol ieħor ta’ tisbiħ taz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali ta’ Ħaż-Zabbar
Ix-xogħol ta’ tisbiħ u restawr li sar fl-aħħar erba’ snin kien mifrux f’diversi lokalitajiet madwar Malta. Dan sar bil-għan li l-irħula u l-bliet f’pajjiżna jingħataw dehra isbaħ u b’hekk toħroġ il-karatteristika tipikament tagħhom. Il-Knisja hija ċ-ċentru ta’ kull raħal u belt f’pajjiżna. L-istil ta’ l-arkitettura kif ukoll iz-zuntier li jdawwar kull Knisja Parrokkjali jkomplu jsebbħu u jżejjnu l-pjazez ta’ pajjiżna. Dan qalu l-Ministru għar-Rizorsi u l-Infrastruttura, il-Perit Ninu Zammit meta kien qed iżur l-aħħar xogħlijiet fuq it-tisbiħ taz-zuntier tal-Knisja parrokkjali ta’ Ħaż-Zabbar.
Il-Knisja ta’ Ħaż-Zabbar saret parroċċa fl-10 ta’ Jannar 1616. Is-Santwarju, mibni fuq pjanta ta’ Tumas Dingli, inbeda fl-1641 u tlesta fl-1696. Fl-1738 inbidlet il-faċċata u telgħet dik li nsibu llum fuq disinn ta’ Ġanni Bonavia.
Id-disinn tal-paviment taz-zuntier ġie ispirat mid-disinn li kien jeżisti fil-post. Ġie deċiż li s-sitt faxxex oriġinali tal-qawwi jinżammu bħala l-bażi tad-disinn il-ġdid. Il-madum tas-siment ġie mibdul b’materjal ieħor tal-ġebel tal-qawwi li hu aktar dehen għaz-zuntier. Intużaw żewġ kuluri tal-qawwi, wieħed jikkuplimenta l-faxex antiki u li issa jntuża wkoll bħala faxxa mad-dawramejt taz-zuntier u l-ieħor intuża bejn il-faxex oriġinali. Ir-rampi, għall-aċċessibilita’ aħjar, li kienu tal-konkos, issa saru parti mid-disinn u saru tal-qawwi. L-arbli ornamentali tad-dawl inżammu u ġew integrati fid-disinn.
Meta kien qed jispjega x-xogħlijiet, il-Ministru Zammit qal li l-area totali tal-pavimentar hi ta’ madwar 400 metru kwadru u kif sar fi znieter oħra qabel ma beda jitpoġġa l-madum inqala l-wiċċ preċedenti li kien magħmul minn madum tas-siment, tpoġġew pajpijiet li minnhom ser jgħaddu xi servizzi u ngħatat sodda tal-konkos li serviet ta’ bażi taħt il-pavimentar il-ġdid. Ix-xogħol preparatorju sar kollu mill-ħaddiema tal-Gvern filwaqt li l-madum ġie mqiegħed minn kuntrattur privat. Il-Ministru tenna li dan il-proġett hu eżempju ċar ta’ l-effiċjenza u l-mod kif qed jaħdmu l-ħaddiema tal-Gvern peress li sar fi żmien stipulat ta’ anqas minn tmien ġimgħat.
Ix-xogħlijiet li fadal huma biss restawr tar-railing li jdawwar iz-zuntier u l-installazjoni ta’ sistema ġdida ta’ dawl li ser idawwal dan is-santwarju arkitettoniku. Dawn l-imsemmija xogħlijiet mistennija jitkomplew wara nofs Settembru sabiex l-attivita` tal-festa ma tkunx imxekkla. L-investiment kollu fuq dan il-proġett inkluż il-pagi tal-ħaddiema jammonta għal madwar Lm25,000 (€ 58,234.33).
Dan il-proġett hu kullana oħra fil-katina ta’ proġetti ta’ tisbiħ fiċ-ċentri ta’ l-irħula. L-investiment totali tal-Gvern fl-aħħar erba’ snin, fi proġetti ta’ din in-natura jaqbeż in-nofs miljun lira u juri bl-aktar mod ċar li l-politika tal-Gvern li jtejjeb l-ambjent infrastrutturali integrat fl-aspett socjo-kulturali qed tiġi mwettqa b’ħidma intensiva mifruxa mal-pajjiż kollu, temm jgħid il-Ministru Ninu Zammit.
DOI – 29.08.2007
Welcome back to Kaizenlog.com, you may want to subscribe to my RSS feed , Twitter You can contact us by using the contact form or submitting a comment. You can also share this post with your friends by clicking on the 'ShareThis' button above. Thanks for visiting!
Print This Post






Entries (RSS)