Nru. 1206

IKOMPLU L-ATTIVITAJIET TAS-SAJF FIR-RESIDENZA ST. VINCENT DE PAUL

Fil-pjazza ‘Qalb ta’ Ġesu’ fir-Residenza St.Vincent de Paul komplew is-serje ta’ attivitajiet tas-Sajf maħsuba għar-residenti Anzjani ta’ l-istess Residenza, persuni fid-Djar Residenzjali għall-Anzjani, anzjani membri taċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum u l-pubbliku ġenerali rispettivament. Dan kien fil-fatt it-tieni kunċert fi spazju ta’ ftit ġimgħat organizzat mis-Segretarjat għall-Anzjani u Kura fil-Komunita’.

Ta’ min jgħid li l-ewwel attivita’ li saret ix-xahar li għadda kienet tikkonsisti f’kunċert Liriku u li fih ħadu sehem uħud fost l-aqwa esponenti vokali u strumentali li nsibu f’pajjiżna.

Dawn kienu jinkludu lis-Soprano Frances Catherine Farrugia, il-Mezzo Soprano Alexandra Scicluna u l-Pjanist Roberto Debono, ilkoll bi snin twal ta’ esperjenza fil-qasam mużikali lokali u internazzjonali.

Il-kunċert li għalih attendew madwar 500 persuna kien jinkludi, kemm temi minn operetti, kif ukoll mużika Naplitana. Din kienet l-ewwel attivita’ tat-tip tagħha li ttellgħet f’din il-pjazza ewlenija fiċ-ċentru tar-Residenza St.Vincent de Paul.

Dan għaliex pjazza ‘Qalb ta’ Ġesu’ hi proġett riċenti li kien inawgurat f’Settembru tas-sena l-oħra, proprju mal-ftuħ tas-swali l-ġodda li ngħataw l-isem, ‘Mother Teresa’ fl-istess Residenza.

Intant, konkorrenza daqstant ieħor tajba kienet evidenti waqt it-tieni serata ta’ attivitajiet Sajfin fejn l-attrazzjoni ewlenija din id-darba kienet il-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta taħt it-tmexxija tad-Direttur Mużikali, il-Logutenent John Ivan Borg.

Il-Banda, komposta minn 42 Mużiċist u li twaqfet aktar minn mitt sena ilu esegwiet uħud fost l-isbaħ xogħlijiet ta’ kompożituri magħrufa bħal Morricone, Osser, Kolasch u mhux b’anqas, dawk tal-Kaptan Anthony Chircop.

Il-wirja spettakolari li offriet il-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta kienet spunt biex kien hemm parteċipazzjoni spontanja ta’ anzjani permezz ta’ applawsi kontinwi u saħansitra s-sehem ta’ uħud fost l-istess anzjani bi strumenti mużikali partikolari waqt waħda mis-siltiet popolari li ndaqqu.

Ta’ interess qabel din l-attivita’ kienet wirja ta’ up-sailing li ttellgħet minn numru ta’ studenti universitarji fil-qasam ta’ l-isport, liema attivita’ kienet milqugħa tajjeb ħafna mill-istess udjenza prezenti.

Is-Segretarjat għall-Anzjani u Kura fil-Komunita’, waqt li qed jaħseb biex jorganizza t-tielet attivita’ proprju f’Settembru li ġej minn serje ta’ kunċerti, fl-istess ħin qed jippjana biex attivitajiet bħal dawn jidħlu fil-Kalendarju Kulturali Annwali tar-Residenza St.Vincent de Paul. Dan fi sforz biex ikun hawn apprezzament artistiku tat-talent Malti, kif ukoll biex tiżdied il-parteċipazzjoni ta’ l-istess Anzjani residenti u l-familjari tagħhom f’attivitajiet speċjali.

Preżenti għal din il-lejla sajfija kien hemm l-Onorevoli Helen D’Amato, Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunita’, id-Direttur Mediku tar-Residenza St.Vincent de Paul, Dr. Ronald Fiorentino, id-Direttur għad-Djar ta’ l-Anzjani is-Sur Michael Bezzina, il-Kap tal-Forzi Armati ta’ Malta, il-Brigadier Carm Vassallo, kif ukoll membri mill-Kunsill Nazzjonali ta’ l-Anzjani, membri minn varji Għaqdiet oħra ta’ l-Anzjani, Uffiċjali Għolja u Ħaddiema ta’ l-istess Residenza, flimkien ma’ familjari u ħbieb tar-residenti u tal-ħaddiema fost oħrajn.

DOI 07.08.2007

Welcome to Kaizenlog.com If you're new here, you may want to subscribe to my RSS feed , Twitter You can contact us by using the contact form or submitting a comment. You can also share this post with your friends by clicking on the 'ShareThis' button above. Thanks for visiting!



Print This Post Print This Post





  • Related Posts



  • Leave a Reply