Il-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika tippreżenta l-ewwel rapport tagħha
Posted by: kaizenlog in Malta
NO. 1180
Il-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika tippreżenta l-ewwel rapport tagħha
Il-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika llum ippreżentat l-ewwel rapport annwali tagħha lill-Onor. Dolores Cristina, Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali. Dan huwa pass ieħor importanti fil-qafas tax-xogħol li qed isir f’pajjiżna fil-qasam soċjali, pass li juri l-impenn sod ta’ dan il-Gvern lejn soċjetà fejn il-membri kollha jkollhom l-istess drittijiet u opportunitajiet f’ħajjithom.
Fl-ewwel sena ta’ ħidma, il-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika wettqet xogħol siewi biex din setgħet toħloq kuntatti ma’ entitajiet oħra li diġà kienu u għadhom jaħdmu fil-qasam tal-vjolenza domestika. Dawn il-laqgħat għenu l-Kummissjoni biex tibda’ tfassal il-pjan tagħha sabiex twettaq il-funzjonijiet skond il-liġi.
Il-Ministru Cristina ferħet lill-Kummissjoni għax-xogħol li rnexxilha twettaq fl-ewwel sena ta’ ħidma tagħha. “Din il-Kummissjoni hija fost l-aktar importanti f’pajjiżna għaliex permezz ta’ xogħolha aħna nistgħu niġġieldu kontra waħda mill-agħar pjagi fis-soċjetà tagħna illum – il-vjolenza domestika. Ma nkun qed ngħid xejn ġdid li din ir-realtà hija waħda moħbija, realtà li l-maġġoranza li jkunu għaddejjin minnha jdumu ħafna sakemm isibu l-kuraġġ li jitkellmu ma’ xi ħadd dwar dan. Sfortunatament, nafu wkoll li hemm min qatt ma jasal li jitkellem dwar dak li jkun qed isofri u jqatta’ ħajtu kollha fis-skiet, fil-miserja, fil-biża’ totali ta’ dik il-persuna li suppost hija waħda mill-persuni li l-aktar tħobbhom. Nafu wkoll li hemm nies li mietu kaġun tal-vjolenza domestika fi djarhom. Diffiċli ħafna għal dawk li qatt ma kellhom din l-esperjenza kerha li jifhmu verament xi tfisser li tgħix ħajja mimlija biza’. Min jaf kemm hawn nies madwarna li jgħixu din l-esperjenza kuljum u aħna lanqas biss nindunaw għax nieqsa mis-sensittività”, saħħqet il-Ministru.
“U din hija forsi l-aktar ħaġa mportanti fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – li noħolqu ambjent fejn min qed isofri fis-skiet issib l-appoġġ u s-sostenn biex joħroġ minn din it-trawma. Irridu naħdmu biex is-soċjetà kollha kemm hi tħossha responsabbli u kull waħda u wieħed minna jsir attur u mutur prinċipali għal din il-bidla. Mhux biss min jaħdem ma’ persuni li sofrew il-vjolenza iżda wkoll il-ġirien, is-sid tal-ħanut, l-għalliema, il-qassis, kull membru tas-soċjetà jrid isir aktar konxju dwar il-vjolenza domestika. Parti mportanti ta’ dan huwa wkoll li kull wieħed u waħda minna nagħrfu ngħidu ‘le’ għal-vjolenza domestika. Aktar ma nitkellmu dwar dan id-deni, aktar għandna saħħa biex neqirduh,” sostniet il-Ministru Cristina.
Hija fakkret ukoll fil-liġi li daħlet fis-seħħ is-sena l-oħra u li permezz tagħha nħolqot din il-Kummissjoni. “Din il-liġi tipproteġi lil kull vittma tal-vjolenza domestika: nisa, irġiel u tfal. Jekk nieħdu t-tfal bħala eżempju, naraw li din il-liġi fiha wkoll ħafna kunsiderazzjonijiet apposta għalihom. It-tfal mhux bilfors ikunu l-vittmi diretti tal-vjolenza domestika, imma faċilment jista’ jiġri li jkollhom jassistu għaliha, kemm jekk ikunu preżenti fiżikament waqt li l-vjolenza tkun qed isseħħ, kif ukoll jekk dawn ikunu f’pożizzjoni li jistgħu jisimgħu x’inhu jiġri. F’każi bħal dawn, l-offiża titqies bħala waħda aktar serja. Permezz ta’ dan il-provediment, il-liġi tagħraf il-vulnerabilità tat-tfal u għalhekk tagħtihom protezzjoni akbar,” ikkonkludiet il-Ministru Cristina.
Il-viżjoni tal-Kummissjoni hija li tkompli ttejjeb is-servizzi li jingħataw lil dawk li jgħaddu minn esperjenzi ta’ vjolenza domestika kif ukoll li tqajjem kuxjenza dwar dan il-qasam. Għan prinċipali tal-Kummissjoni huwa li jingħata tagħrif lill-pubbliku ġenerali kif ukoll taħriġ lill-professjonisti u lil dawk li jaħdmu ma’ nies li għaddew minn vjolenza domestika.
Fil-fatt, il-Kummissjoni ħasset il-ħtieġa li twaqqaf żewġ sotto-kumitati, wieħed dwar il-Provediment ta’ Servizzi u ieħor dwar ir-Riċerka u Ġbir ta’ Informazzjoni. Dawn is-sotto-kumitati għandhom jgħinu lill-Kummissjoni tiddentifika dawk l-oqsma fejn jistgħu jittjiebu s-servizzi kif ukoll tagħmel riċerka u tibda tiġbor statistika lokali bbażata wkoll fuq indikaturi li jintużaw fil-qasam internazzjonali.
Flimkien mal-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, il-Kummissjoni ħadmet biex jinħarġu linji ta’ gwida għall-Pulizija. Huwa ta’ sodisfazzjon li dawn issa nħarġu u tqassmu lill-membri kollha tal-Korp tal-Pulizija.
Il-Kummissjoni issa għandha wkoll il-website www.domesticviolence.gov.mt li tinkludi informazzjoni meħtieġa dwar il-qasam tal-vjolenza domestika. Il-website tinkludi wkoll links ma’ diversi websites barranin, waħda minnhom dik tal-Kunsill ta’ l-Ewropa li bħalissa qed tagħmel kampanja sabiex tiġġieled il-vjolenza kontra n-nisa, kif ukoll l-vjolenza domestika. Il-Kummissjoni qed tieħu sehem attiv f’din il-Kampanja bil-parteċipazzjoni taċ-Chairperson, Dr Marceline Naudi, u membri oħra li qed jattendu għal konferenzi u seminars li jiġu organizzati.
Il-Kummissjoni għażlet ukoll il-logo li juri biċ-ċar il-messaġġ tagħha li l-vjolenza m’għandha qatt tidħol fid-dar. Il-kuluri vivaċi li ntgħażlu juru kif għandha tkun il-ħajja fid-dar – waħda mimlija serenità f’ambjent ferrieħi.
DOI – 30.07.2007
——————–
NOTA LILL-EDITURI: Il-logo qed jintbagħat ma’ din l-istqarrija f’format jpeg, verżjoni bil-kulur u verżjoni bl-iswed u l-abjad. FREE TO USE
Welcome to Kaizenlog.com If you're new here, you may want to subscribe to my RSS feed , Twitter You can contact us by using the contact form or submitting a comment. You can also share this post with your friends by clicking on the 'ShareThis' button above. Thanks for visiting!
Print This Post









Entries (RSS)