Il-Ministru Tijani Haddad f’taħditiet mal-Ministru Francis Zammit Dimech
Posted by: kaizenlog in Malta
NO. 1094
Il-Ministru Tijani Haddad f’taħditiet mal-Ministru Francis Zammit Dimech
Il-Ministru għat-Turiżmu tar-Repubblika tat-Tuneżija, l-ET Tijani Haddad flimkien mad-delegazzjoni li qed imexxi f’Malta, dalgħodu għamel żjara lill-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech fil-Berġa ta’ l-Italja.
Matul il-laqgħa tagħhom iż-żewġ Ministri tkellmu dwar ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi wara 40 sena ta’ relazzjonijiet diplomatiċi bejn it-Tuneżija u Malta. Huma tkellmu b’mod speċjali dwar is-settur tat-turiżmu taż-żewġ pajjiżi u dwar dak kollu li qed isir biex it-turiżmu jissaħħaħ fl-isfond tar-rakkomandazzjonijiet li saru fir-raba’ sessjoni tal-Maltese-Tunesian Joint Commission on Tourism li nżammet fit-Tuneżija bejn l-10 u l-11 ta’ Jannar li għadda.
Fost dawn ir-rakkomandazzjonijiet kien hemm dawk li nkomplu nippromwovu r-rabtiet li jeżistu bejn iż-żewġ pajjiżi fl-oqsma tal-yachting u cruise lining, it-taħriġ u l-bdil ta’ esperti, l-marketing u l-iżvilupp tat-turiżmu, il-promozzjoni ta’ investiment fl-oqsma turistiċi u l-koperazzjoni bejn professjonisti mit-Tuneżija u Malta.
B’mod partikolari ż-żewġ naħat iddiskutew kif jista’ jsir il-marketing ta’ Malta u t-Tuneżija flimkien għal-‘long haul tourists’ bħal dawk li jivjaġġaw miċ-Ċina, l-Indja u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika, u dan permezz ta’ ħidma flimkien bejn it-tour operators taż-żewġ pajjiżi.
“Fl-aħħar 40 sena ta’ relazzjonijiet diplomatiċi Malta u t-Tuneżija kattru l-ftehim bejn iż-żewġ popli li ġie rifless f’aktar kooperazzjoni f’diversi oqsma. Din il-kooperazzjoni bnejniha fuq relazzjonijiet bejn pajjiżi ġirien li huma wkoll żewġ pajjiżi sovrani.
Fil-ħidma tagħna qed infasslu programmi flimkien għall-qasam turistiku li għaż-żewġ pajjiżi hu fonti importanti ta’ dħul ta’ flus barranin,” tenna l-Ministru Zammit Dimech.
Id-delegazzjoni Ministerjali Tuneżina tinkludi lill-ET Mohamed Ali Ganzoui, Ambaxxatur tat-Tuneżija f’Malta; Habib Ferchichi, Direttur għall-Promozzjoni ta’ l-Investiment; Ridah Wennich, Direttur tal-Protokoll; Fethi Memi, Rappreżentant Ġenerali ta’ l-Uffiċju Nazzjonali tat-Turiżmu Tuneżin fl-Italja u Zoubeir Jebebli, Direttur ta’ l-Informazzjoni, Ministeru għat-Turiżmu.
Il-Ministru Tijani Haddad ser itemm iż-żjara tiegħu f’Malta għada.
DOI - 17.07.2007
Welcome to Kaizenlog.com If you're new here, you may want to subscribe to my RSS feed , Twitter You can contact us by using the contact form or submitting a comment. You can also share this post with your friends by clicking on the 'ShareThis' button above. Thanks for visiting!
Print This Post









Entries (RSS)