NO. 1105

Il-Ministru DOLORES Cristina tniedi l-Politika Nazzjonali Dwar id-Droga għall-Konsultazzjoni Pubblika

L-Onor. Dolores Cristina, Ministru għall-Familja u Solidarjeta Soċjali llum niehdet l-Abbozz ta’ Politika Nazzjonali dwar id-Droga għal konsultazzjoni pubblika. Dan l-Abbozz huwa l-ewwel wieħed ta’ din ix-xorta għal pajjiżna u huwa immirat sabiex ikun hemm impenn u koordinazzjoni li tilħaq lil dawk kollha involuti f’dan il-qasam hekk sensittiv, bil-għan li tingħeleb il-problema qerrieda tad-droga.

Il-Ministru Cristina saħħqet li l-abbuż mid-droga jmur kontra l-prinċipju tas-solidarjeta soċjali; is-sisien li dan il-Ministeru huwa mibnu fuqu. Għaldaqstant fid-dawl ta’ din il-pjaga soċjali, dan il-Gvern qiegħed iwitti t-triq għal dawk kollha li jaħdmu bla heda f’dan il-qasam u jgħinhom billi stabilixxa qafas ta’ politika nazzjonali li tindirizza dan il-fenomenu.

Abbuż mid-droga jfisser instabbilta u konflitt mhux biss għall-individwu konċernat iżda għas-soċjeta kollha. Id-droga hija fil-fatt strument perikoluż li ma jħenn għal ħadd. Permezz ta’ dan l-Abbozz u permezz ta’ bosta inizjattivi oħra li ttieħdu fil-qasam tad-droga, il-Gvern qiegħed juri li hu mpenjat li jiġġieled din il-problema b’kull mezz possibbli. Fil-fatt sar investiment qawwi fir-riżorsi umani u finanzjarji sabiex jiġi ndirizzat l-użu tad-droga, jiġu osservati x-xejriet, u jiġu mifhuma u mrażżna l-isfidi ġodda li dan il-fenomenu dinamiku jġorr miegħu.

Il-Ministru Cristina fakkret li kull traġedja li nisimgħu relatata mal-kamp tad-droga hija pjaga soċjali li tweġġa’ lill-poplu kollu. Iżda fuq lenti pożittiva hija għamlet referenza għal dawk in-nies li rnexxilhom jegħlbu din il-problema b’determinazzjonji u volonta. Hija sejħet lil dawn in-nies ‘role models’ li rnexxilhom jitwieldu mill-ġdid u jibnu pedamenti ġodda għal ħajjithom. Hija saħħqet li ta’ min jammirhom u jappoġġhom.

Din il-Politika Nazzjonali dwar id-Droga toffri bażi tajba sabiex tinkiseb il-koodinazzjoni meħtieġa bejn l-entitajiet u l-persuni differenti konċernati. Id-dokument minnu nnfisu huwa maqsum f’disa’ partijiet u jinkorpora xejn inqas minn 47 azzjoni li dan il-Gvern irid jattwa. Insibu informazzjoni siewja dwar l-istrutturi f’pajjiżna li jaħdmu f’dan il-qasam, kif ukoll il-miri stabiliti li jridu jintlaħqu sabiex intaffu l-abbuż. Wieħed mis-suġġerimenti msemmija huwa li titwaqqaf entita speċifika li tkun responsabbli għall-koordinament fuq bażi nazzjonali fil-qasam tad-droga u l-alkoħol, sabiex ikun assigurat li din il-politika tiġi implimentata u tingħata moniteraġġ bl-aħjar mod possibbli.

Il-Ministru Cristina saħħqet li din il-Politika tiddependi ħafna fuq sorveljanza adegwata, ġbir u tixrid ta’ informazzjoni, evalwazzjoni perjodika ta’ miżuri politiċi kif ukoll riċerka u taħriġ kontinwu. Dan l-Abbozz iħares ukoll lejn il-qafas legali u ġudizzjarju marbut ma’ l-użu u l-abbuż tad-droga fejn qiegħed ikun propost it-twaqqif ta’ Qorti tad-Droga għal każijiet ta’ reati ta’ droga.

L-għan ta’ din il-politika huwa primarjament indirizzat lejn it-titjib fil-kwalita’ ta’ dawk li jipprovdu s-servizzi u li fejn meħtieġ jiżdied l-għoti ta’ servizzi relatati mad-droga. Barra minn hekk din il-politika tipprovdi għal mekkaniżmu li jkun iktar koordinat li permezz tiegħu titnaqqas il-provvista u d-domanda għad-droga. Għaldaqstant dan l-Abbozz iħares lejn il-problema tad-droga fil-kuntest sħiħ tagħha, kif ukoll jindirizza lil dawk kollha li sfaw vittmi taħt l-idejn kiefra tad-droga. Iżda din il-Politika Nazzjonali tħares ukoll sabiex tipproteġi, tappoġġa u toffri iżjed opportunitajiet lil dawk in-nies kollha li ħelsu mill-problema tad-droga.

Il-Ministru Cristina fakkret li l-kontribuzzjoni ta’ l-entitajiet u l-individwi involuti f’dan il-qasam u l-kollaborazzjoni kemm fuq livell lokali kif ukoll fuq livell internazzjonali huma essenzjali ghat-twettiq ta’ din il-politika. L-Onor. Cristina stqarret li l-politika nazzjonali trid tinbena b’vuċi soda mill-poplu Malti kollu. Huma proprju n-nies li jfasslu l-politika u trid tkun is-soċjeta kollha li tkun sid ta’ din il-politika.

Dan l-Abbozz huwa fil-fatt xhieda oħra tat-twemmin qawwi ta’ dan il-Gvern li jisħaq fuq l-importanza tad-djalogu u tal-parteċipazzjoni attiva u diretta tal-pubbliku f’kull fażi ta’ ippjanar u implementazzjoni ta’ politika għal pajjiżna. Dan id-dokument huwa riżultat ta’ diversi inizjattivi li ttieħdu minn dan il-Gvern matul il-medda taż-żmien sabiex tinbena strateġija nazzjonali li tħares lis-soċjeta kollha kontra l-jasar tad-droga.

Għaldaqstant il-pubbliku kollu ġie mistieden sabiex jagħti l-kummenti u r-rakkomandazzjonijiet tieghu billi jibgħat fuq l-indirizz elettroniku drugspolicy [Email address: drugspolicy #AT# gov.mt - replace #AT# with @ ]%20">drugspolicy [Email address: drugspolicy #AT# gov.mt - replace #AT# with @ ] . Dan l-abbozz ta’ politika nazzjonali jinsab ukoll fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru ghall-Familja u Solidarjeta Socjali, www.mfss.gov.mt

Il-Ministru għall-Familja u Solidarjeta Soċjali temmet tirringrazzja lill-membri kollha tal-Kummissjoni Nazzjonali dwar l-Abbuż tad-Droga, l-Alkoħol u Dipendenzi Oħra, l-istaff tad-Direttorat għall-Iżvilupp ta’ Politika u l-Implimentazzjoni ta’ Programmi, membri oħra tal-Ministeru u s-Segretarjat tagħha li flimkien ħadmu bla heda sabiex jitfassal dan l-abbozz. Barra minn hekk tenniet ringrazzjament speċjali għal dawk l-organizzazzjonijiet li joffru s-servizz tagħhom b’dedikazzjoni kbira, fosthom insibu Caritas, Sedqa u Oasi.

Preżenti għat-tnehdija ta’ l-Abbozz tal-Politika Nazzjonali dwar id-Droga kien hemm ukoll il-Professur Richard Muscat, li huwa ċ-‘Chairman’ tal-Kummissjoni Nazzjonali dwar l-Abbuż tad-Droga, l-Alkoħol u Dipendenzi Oħra, li barra li ta spjegazzjoni ta’ din il-politika għamel ukoll riferenza għat-tielet Rapport Annwali dwar is-sitwazzjoni tad-droga f’pajjiżna. Dawn ir-rapporti jikkumplimentaw u jfasslu proprju l-politika tad-droga.

DOI – 18.07.2007

Welcome to Kaizenlog.com If you're new here, you may want to subscribe to my RSS feed , Twitter You can contact us by using the contact form or submitting a comment. You can also share this post with your friends by clicking on the 'ShareThis' button above. Thanks for visiting!



Print This Post Print This Post





  • Related Posts



  • Leave a Reply