L-ERBGĦA: 11 TA’ LULJU 2007

NO. 1061

L-ESPANSJONI LUFTHANSA TECHNIK SE TĦALLI €367 MILJUN FI 30 SENA FL-EKONOMIJA MALTIJA

Fit-30 sena tal-proġett tal-faċilità akbar tal-Lufthansa Technik hu stmat li l-ekonomija Maltija se tirċievi kontribut ġdid ta’ €367 miljun. Dan il-kontribut hu kkalkulat wara li jitnaqqas l-investiment li qed jagħmel il-Gvern fl-infrastruttura meħtieġa, fil-hangar innifsu u fit-taħriġ meħtieġ għall-ħaddiema li jaħdmu fil-faċilità.

Rapport ta’ Malta Enterprise lill-Ministeru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni jevalwa l-benefiċċji għall-ekonomija Maltija għal dan l-investiment li qed jagħmel il-Gvern.

Il-Gvern qed jiffinanzja l-bini tal-hangar il-ġdid għall-ajruplani li mbagħad jinkera lil Lufthansa Technik għal 30 sena. Il-kera ġġib dħul għall-Gvern ta’ €63 miljun.

Il-Gvern qed jiffinanzja wkoll it-taħriġ lill-istudenti Maltin li meta jiggradwaw imorru jaħdmu mal-Lufthansa Technik.

Lufthansa ngħatat ukoll għajnuna għall-investiment u reklutaġġ tal-ħaddiema taħt l-iskemi pprovduti fl-Att dwar il-Promozzjoni tan-Negozju.

Minn naħa tagħha Lufthansa qed tintrabat li timpjega 550 persuna u żżomm dak il-livell ta’ impjieg għal mill-anqas 15-il sena. Dawn bejniethom jitħallsu €347 miljun f’pagi u magħhom jitqiesu wkoll €29 miljun fi ħlas ta’ bolol.

Meta jiġi kkunsidrat id-dħul mill-kera u l-bolol, dan ifisser impatt pożittiv fuq id-dħul tal-Gvern ta’ €92 miljun.

Dawn huma stimi konservattivi minħabba li l-kalkolu ta’ pagi hu bbażat fuq in-numru minimu ta’ impjegati stabbilit kuntrattwalment u jassumi wkoll li l-Gvern ma jirnexxielu juża xejn mill-fondi Ewropej apposta għal dawn il-proġetti.

L-istimi ma jqisux ukoll l-investiment li qed tagħmel Lufthansa Technik infisha (ta’ €16.5 miljun) li se jintefqu f’Malta u jissarfu f’pagi lill-impjegati tal-kuntratti mqabbda mill-kumpanija biex jimplimentaw din l-espansjoni.

L-istima ta’ benefiċċju għall-ekonomija ta’ €367 miljun ma tikkunsidrax lanqas il-‘multiplier effect’ ta’ l-injezzjoni ta’ dawn l-ammonti fl-ekonomija Maltija.

Il-Ministru Austin Gatt qal li dawn iċ-ċifri altru milli jiġġustifikaw l-investiment tal-Gvern biex jattira dan il-proġett importanti. “Il-ħolqien u ż-żamma ta’ mill-anqas 550 impjieg huma ta’ benefiċċju għall-ekonomija tagħna; iżda fuq kollox huma għixien għal dawn il-familji kollha. Il-Gvern jemmen fil-kapaċitajiet taż-żgħażagħ Maltin u pperswada lil dan l-investitur – kif għamel qabel ma’ ħafna oħrajn – li fil-ħaddiema Maltin se jsib it-talent u l-entużjażmu għax-xogħol li se jagħmlu suċċess mill-investiment tiegħu.

L-investiment tagħna hu ġustifikat għax se jintradd lura ħafna drabi fi dħul għall-fondi pubbliċi u f’ekonomija aktar dinamika u b’saħħitha. Hu għalhekk li identifikajna dan is-settur bħala qasam li tassew aħna kompetittivi fih.”

DOI - 11.07.2007

Welcome to Kaizenlog.com If you're new here, you may want to subscribe to my RSS feed , Twitter You can contact us by using the contact form or submitting a comment. You can also share this post with your friends by clicking on the 'ShareThis' button above. Thanks for visiting!



Print This Post Print This Post





  • Related Posts



  • Leave a Reply