Ġew immodernizzati s-Swali Ġenerali Nisa u Rġiel u s-Sala ta’ l-Ikel fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex
Posted by: kaizenlog in Malta
NO. 1063
Ġew immodernizzati s-Swali Ġenerali Nisa u Rġiel u s-Sala ta’ l-Ikel fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex
Il-proġett ta’ modernizzar tas-Swali Ġenerali Nisa u Rġiel u dak tas-Sala ta’ l-Ikel fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex ġew inawgurati dalgħodu mill-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex.
Ix-xogħlijiet fis-swali kienu jinkludu t-tibdil tal-vinyl ta’ l-art, bdil ta’ l-aperturi fejn ġie installat ħġieġ riflettiv għal insulazzjoni u ffrankar ta’ l-enerġija, iż-żieda ta’ servizzi elettriċi b’vultaġġ baxx, flimkien ma’ l-installazzjoni ta’ bed-head trunking ġdid li issa qed jipprovdi servizzi ta’ gassijiet mediċi flimkien ma’ servizzi oħra direttament għal kull sodda. Il-headboards il-ġodda ser ikunu jistgħu jipprovdu wkoll aċċess separat għat-telefon, television u s-servizz ta’ l-internet lil kull pazjent. Dawn ix-xogħlijiet isegwu xogħlijiet oħra dekorattivi li saru fl-aħħar snin. Il-proġett tas-Swali Ġenerali Nisa u Rġiel jinvolvi l-investiment ta’ madwar Lm100,000 (€232,937).
Il-proġett tas-Sala ta’ l-Ikel isegwi l-introduzzjoni tas-sistema ġdida ta’ distribuzzjoni ta’ l-ikel madwar l-isptar kollu. Din is-sistema tejbet is-servizz offrut fl-isptar lill-pazjenti billi l-platti ta’ l-ikel bdew jitwasslu għand il-pazjenti fis-swali differenti skond it-temperatura meħtieġa ta’ kull plat, servuti fuq tray apposta. Ix-xogħlijiet fis-Sala ta’ l-Ikel kienu jinvolvu t-tneħħija tas-saqaf preċedenti u l-installazzjoni ta’ saqaf ġdid flimkien ma’ suffitt, kif ukoll xogħol ta’ tikħil u tibjid, tqegħid ta’ madum, tibdil tal-faċilitajiet sanitarji u titjib tad-dehra ġenerali.
Waqt li kienet qed tindirizza l-inawgurazzjoni ta’ dawn il-proġetti, l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex qalet li t-titjib ta’ iktar swali u nħawi fl-isptar huma konferma ta’ l-impenn tal-Gvern lejn it-titjib tal-qasam tas-saħħa f’Għawdex għall-benefiċċju tal-pazjent f’Għawdex. Il-Ministru Debono qalet li mis-sena 2000 sal-lum, il-Gvern investa madwar Lm2m (€4.6m) għal titjib kapitali fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
Il-Ministru Debono qalet li ngħatat prijorita’ lil dawk l-inħawi fl-isptar li huma ffrekwentati mill-pazjent, bi proġetti twettqu fis-Sala ta’ l-Anzjani Rġiel, Residenza Sant’Anna, is-Sala tal-Maternita’, is-Sala tat-Tfal, id-Dipartiment ta’ l-Emerġenza u d-Dipartiment ta’ l-Outpatients, filwaqt li twaqqfu sezzjonijiet ġodda fl-isptar bil-għan li jittejjeb is-servizz tas-saħħa offrut mill-Gvern f’Għawdex. Hija rreferiet b’mod partikolari għat-twaqqif tas-Sala tal-Ġinekoloġija, ir-Renal Unit, Isolation Unit kif ukoll l-introduzzjoni ta’ diversi servizzi mediċi li bdew jiġu offruti mill-Isptar Ġenerali t’Għawdex fl-aħħar snin. Il-Ministeru għal Għawdex ukoll immodernizza nħawi fl-isptar li huma l-iktar iffrekkwentati mill-ħaddiema ta’ l-istess sptar, fosthom id-dipartiment tal-Medical Records, il-Laboratorju ta’ l-isptar, Sala ta’ l-Operazzjonijiet, id-Dipartiment tas-Central Sterile Supplies u l-Kwartieri tat-Tobba.
Il-Ministru Debono rreferiet għal żewġ proġetti oħra li daħal għalihom il-Ministeru għal Għawdex f’dan il-qasam biex ikompli jtejjeb is-servizz tas-saħħa li diġa’ huwa wieħed ta’ kwalita’. Il-proġetti, li għalihom diġa’ bdew jinħarġu sejħiet għall-offerti, jinkludu l-immodernizzar komplet tat-tieni Sala ta’ l-Operazzjonijiet u t-twaqqif ta’ Taqsima tar-Radjoloġija li se toffri servizzi mediċi ġodda li s’issa m’humhiex offruti f’Għawdex. Il-Ministru Debono qalet li t-tkomplija tal-proġett ta’ l-immodernizzar tas-Sala Ġenerali Nisa u Sala Ġenerali Rġiel, flimkien mal-proġett tas-Sala ta’ l-Ikel, se jagħtu kontribut ikbar lill-ambjent ġenerali li pazjenti u ħaddiema diġa’ igawdu fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
DOI - 11.07.2007
Welcome to Kaizenlog.com If you're new here, you may want to subscribe to my RSS feed , Twitter You can contact us by using the contact form or submitting a comment. You can also share this post with your friends by clicking on the 'ShareThis' button above. Thanks for visiting!
Print This Post









Entries (RSS)