STQARRIJA TAL-MINISTERU GĦALL-FAMILJA U SOLIDARJETÀ SOĊJALI
Posted by: kaizenlog in Malta
Nru. 1053
STQARRIJA TAL-MINISTERU GĦALL-FAMILJA U SOLIDARJETÀ SOĊJALI
Għal darb’oħra l-Onorevoli Coleiro Preca qed tgħawweġ il-fatti u tagħti informazzjoni ħażina jew inkompluta lin-nies permezz tal-media, dejjem għal gwadann politiku u mhux fl-interess tal-poplu. Din id-darba qed tagħmel dan fir-rigward tal-pagament taċ-Children’s Allowance.
Assolutament mhux minnu li kien hemm xi dewmien fil-ħruġ tal-benefiċċju taċ-Children’s Allowance għal dawk li applikaw sa l-aħħar t’April, kif kien mitlub minnhom.
Il-kelliema tal-Partit Laburista toħroġ b’din l-istqarrija b’mod regolari u tinjora għal kollox il-fatti minkejja li taf sew kif inhi s-sistema ta’ l-applikazzjoni għaċ-Children’s Allowance.
Għalhekk, għall-benefiċċju tal-pubbliku l-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali jixtieq jiċċara dan li ġej.
Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali għamel xogħlu sew fir-rigward tal-pagament taċ-Children’s Allowance u fil-fatt is-Sibt li għadda, fis-7 ta’ Lulju, ħarġu l-pagamenti kollha għal dawk li applikaw għal dan il-benefiċċju sad-data ta’ l-għeluq li kienet it-30 ta’ April. Dan għamluh madwar 24,000 familja. Din is-sena kien aktar faċli għal dawn il-familji japplikaw għaliex għall-ewwel darba, grazzi għall-impenn tal-Gvern fil-qasam teknoloġiku, dawn setgħu japplikaw online.
Bħal dejjem, iżda, mhux kulħadd jirrispetta t-termini tad-data ta’ l-għeluq u għalhekk kien hemm numru ta’ applikanti li tefgħu l-applikazzjoni tard, saħansitra tul ix-xahar ta’ Ġunju. Fuq dawn l-applikazzjonijiet li waslu tard ix-xogħol għadu għaddej biex joħorġu dawn il-pagamenti wkoll iżda żgur li ħadd, tant anqas l-Onor. Coleiro Preca, ma tista’ tiddefendi lil min applika tard u xorta jistenna li jkun hu li jitħallas minn ta’ l-ewwel. Madanakollu, dawn il-pagamenti għandhom joħorġu sa’ l-aħħar ta’ din il-ġimgħa bi sforz kbir ta’ ħidma u impenn min-naħa ta’ l-impjegati tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali. Mhux ġust li l-Onor. Coleiro Preca għal skopijiet politiċi tagħha titfa’ dell ikraħ fuq l-impjegati kollha tad-Dipartiment minflok li teduka l-poplu li għandu jimxi ma’ regolamenti u termini taż-żmien kif stabbiliti fil-liġi.
Fl-aħħar nett, nerġgħu nappellaw lin-nies biex għall-informazzjoni korretta dwar il-benefiċċji tagħhom iċemplu lil SPIC fuq 159 mit-Tnejn sas-Sibt, mit-8 a.m. sat-8 p.m. jew iżuru l-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.
DOI 10.07.2007
Welcome to Kaizenlog.com If you're new here, you may want to subscribe to my RSS feed , Twitter You can contact us by using the contact form or submitting a comment. You can also share this post with your friends by clicking on the 'ShareThis' button above. Thanks for visiting!
Print This Post









Entries (RSS)